Lokali Parlament

L-Ispeaker jordna li l-awtoritajiet Amerikani jkunu informati bir-rapporti dwar l-allegat frame-up fuq Chris Fearne minn Steward

L-Ispeaker Anġlu Farrugia ordna li l-awtoritajiet Amerikani jkunu informati mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin Malti bir-rapporti dwar l-allegat frame-up fuq l-Eks Deputat Prim Ministru Chris Fearne minn Steward.

Din id-deċiżjoni tal-Ispeaker kienet komunikata permezz ta’ ruling li ta fis-seduta parlamentari tal-lum wara li lbieraħ l-Eks Deputat Prim Ministru Chris Fearne talab lill-Ispeaker biex jagħti ruling wara l-pubblikazzjoni tar-rapporti dwaru.

Fir-ruling tiegħu Ispeaker rrifera għad-dokumenti tal-OCCRP li kienu pubblikati f’The Times u f’The Boston Globe dwar l-allegat frame-up fuq Chris Fearne u kkwota dak li jingħad fil-Parlament Ingliż f’ċirkostanzi ta’ attakki fuq deputati.

Ir-regoli tal-Parlametn Ingliż jistabbilixxu li attakk fil-konfront ta’ deputat hu attakk fuq id-demokrazija parlamentari u li d-demokrazija tkun f’riskju meta jsiru attakki bħal dawk li saru fuq Chris Fearne.

L-Ispeaker qal li bla ma jidħol fil-mertu dwar min kien wara r-rapporti, jidher li din hi l-istess kumpanija Amerikana li tisemma’. Is-Sedja m’għandha l-ebda poter tinvestiga r-rapport, sostna l-Ispeaker li kompla li Chris Fearne diġà għamel rapport lill-Pulizija dwar dawn ir-rapporti. Is-Sedja tifhem ir-rwol tal-Parlament quddiem dawn l-attakki u tifhem ukoll li fil-kuntest tissemma’ l-kumpanija Amerikana Steward.

Għalhekk, skont il-kodiċi tal-liġi Amerikana, Steward jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-liġijiet Amerikani u għalhekk id-Dipartiment tal-Ġustizzja Amerikan għandu jkun informat b’din is-sitwazzjoni.

Fir-ruling tiegħu l-Ispeaker ordna li l-Iskrivan tal-Kamra għandu jinforma lill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin biex jikteb lill-Ambaxxata Amerikana f’Malta u jinformaha dwar din is-sitwazzjoni.

Dwar it-talba mressqa minn Chris Fearne għall-protezzjoni, l-Ispeaker qal li l-Pulizija għandha tinvestiga dan il-każ u tagħti l-protezzjoni meħtieġa lill-Eks Deputat Prim Ministru Chris Fearne u l-familja tiegħu.