Lokali

Rapporti jindikaw li s-CEO ta’ Infrastructure Malta mistenni jirreżenja

Diversi rapporti qed jindikaw li l-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, Ivan Falzon, mistenni li jirreżenja mingħajr ma ngħatat raġuni għalfejn se jkun qed jagħmel dan.

Jidher li dan ġie kkonfermat minn sorsi fi ħdan il-Ministeru tat-Trasport iżda s’issa m’hemm l-ebda riżenja uffiċjali.

Matul l-aħħar snin Infrastructure Malta affaċċjat numru ta’ kontroversji hekk kif diversi proġetti infrastrutturali damu ħafna sabiex tlestew tant li l-istess entità ma kienx qed ikollha data uffiċjali meta proġett kellu jkun lest. Dan apparti li kien hemm numru ta’ każijiet fejn it-triq kellha terġa’ tinqala’ ftit snin wara li tlestiet.

Ivan Falzon ġie appuntat bħala Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta f’Lulju tal-2022 mill-Ministru tat-Trasport Aaron Farrugia. Apparti minn hekk, huwa kien Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni tas-Servizzi tal-Ilma kif ukoll tal-Isptar Mater Dei.