Lokali

Robert Abela ma jagħmilx apoloġija b’rabta ma’ ksur ta’ etika

Robert Abela rrifjuta li jagħmel apoloġija għal filmat li kiser l-etika, u li ġie deskritt bħala filmat ta’ propaganda.

Dan il-filmat ta’ 37 sekonda li sewa lill-poplu €700, juri lil Robert Abela jiltaqa’ ma’ numru ta’ persuni f’lokalitajiet varji. Il-Kummissarju tal-Istandards Joseph Azzopardi qal li dan il-filmat ma jipprovdi l-ebda informazzjoni.

Infatti fil-filmat jissemmew numru ta’ postijiet f’Għawdex fejn sar xi proġett; iżda matul il-filmat il-proġett ma jidhirx u ma tingħata l-ebda informazzjoni dwaru.

Il-filmat kien ħareġ fuq il-paġna tal-Gvern fi Frar tas-sena 2023.

Waqt is-seduta tat-Tnejn waranofsinhar tal-Kumitat tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika, Joseph Azzopardi spjega kif Robert Abela irrifjuta li jagħmel apoloġija bl-iskuża li nkisirlu d-dritt ta’ smigħ xieraq; tant li Azzopardi kellu jgħaddi dan il-każ lil dan il-Kumitat.

Intqal ukoll li l-Ministru tal-Finanzi kellu każ simili ta’ ksur ta’ etika fejn il-Kummissarju fakkar li Clyde Caruana offra li jagħmel apoloġija kif ukoll li jagħti l-flus lura.

Matul din is-seduta, ix-Shadow Minister Mark Anthony Sammut staqsa għalfejn ma ġiex rakkomandat li Robert Abela jagħti l-flus lura f’dan il-każ, bil-Kummissarju tal-Istandards Joseph Azzopardi jgħid li hu ħaseb li Robert Abela se jagħmel apoloġija bla problema ta’ xejn.

F’dan il-Kumitat Parlamentari, ma’ Mark Anthony Sammut, hemm ukoll id-deputat Ryan Callus.

Din mhux l-ewwel darba li reklam tal-Gvern spiċċa taħt skrutinju hekk kif ikun hemm ksur ta’ etika. Kien għalhekk li numru ta’ membri tal-Kumitat tal-Istandards tal-Ħajja Pubblika rrakomandaw li jiġu stabbiliti standards fil-konfront ta’ reklami tal-Gvern bil-għan li każijiet bħal dawn ikunu evitati.