Lokali Saħħa

Tiżdied il-pressjoni fuq l-Isptar Mater Dei

Il-problema ta’ nuqqas ta’ spazju fl-Isptar Mater Dei bid-dewmien sabiex wieħed jinqeda, qed tkompli tikber u toħroġ fid-deher ma’ kull jum li jgħaddi.

Numru ta’ persuni żvelaw kif bħalissa fl-Isptar Mater Dei qed jiffaċċja problema kbira ta’ nuqqas ta’ sodod hekk kif hemm madwar 100 anzjan li preżentament qed jokkupaw spazju f’Mater Dei minħabba li qed jistennew sabiex jittieħdu f’Dar tal-Anzjani.

Apparti li din is-sitwazzjoni ġiet rappurtata f’diversi ġurnali, professjonisti li tkellmu ma’ Net News spjegaw kif numru ta’ anzjani li għandhom bżonn ċertu tip ta’ kura, dawn mhux qed ikollhom fejn imorru meta qed jinħarġu mill-isptar. U għalhekk, qed jispiċċaw jibqgħu jokkupaw sodda f’Mater Dei – li diġà huwa iffullat – sakemm eventwalment isibu post f’residenza tal-anzjani. U allura, dan ifisser li l-problema qiegħda wkoll fid-Djar tal-Anzjani hekk kif l-istennija sabiex persuna ssib post qed tieħu x-xhur.

Dan apparti li ħafna familji ma jkunux jistgħu jipprovdu l-kura d-dar stess. U għalhekk jispiċċaw mingħajr ebda post fejn dawn jistgħu jmorru – tant li qed ikollhom jibqgħu jgħixu l-isptar.

Apparti din il-problema, hemm ukoll il-fatt li riċentament kien hemm żieda ta’ pazjenti bil-Covid fejn bħalissa fl-Isptar Mater Dei hemm ‘il fuq minn 60 pazjent li qed jingħataw il-kura; b’uħud minnhom saħansitra qegħdin fl-ICU.

Minn naħa tiegħu, il-Ministru tas-Saħħa JoEtienne Abela għalkemm irrikonoxxa li hemm problema fl-Isptar Mater Dei ma tantx jidher li għandu pjan sabiex tibda tissolva din is-sitwazzjoni. U issa, spiċċa jdur fuq il-privat – minkejja li anke hemmhekk hemm realtajiet simili ta’ nuqqas ta’ sodod.

Il-problema ta’ nuqqas ta’ spazju fl-Isptar Mater Dei ilha tippersisti għal dawn l-aħħar snin bl-isplużjoni fil-popolazzjoni kaġun tal-mudell ekonomiku li ħaddem Joseph Muscat u li kompla għaddej bih il-Prim Ministru preżenti Robert Abela.