Kunsilli Lokali Lokali

Debono Grech tivvota kontra l-Partit Laburista… Desirei Grech tilħaq Sindku ta’ Birkirkara

Yana Debono Grech, kunsilliera għal-lokalità ta’ Birkirkara f’isem il-Partit Laburista, ivvotat kontra l-Labour, u kontra r-rieda tat-tmexxija ta’ Robert Abela

Dan wara li meta t-Tlieta waranofsinhar ġew biex jiddeċiedu min se jkun qiegħed jinħatar Sindku tal-lokalità wara li l-Partit Nazzjonalista ġab maġġoranza relattiva f’Birkirkara bl-akbar ammont ta’ voti għall-PN jinkiseb mill-kandidata Desirei Grech – il-kunsilliera tal-Partit Laburista kienu ordnati jivvotaw favur il-kunsillier indipendenti Kaylocke Buhagiar.

Fatt li bl-aktar mod ċar urta bl-aħrax lin-neputija tal-Wks Ministru Joe Debono Grech, bil-konsegwenza li din ivvotat kontra r-rieda tal-Partit Laburista għal sitt darbiet.

Għaldaqstant, minħabba li kemm Buhagiar u Grech spiċċaw b’ammont ta’ voti ugwali –skattat il-klawżola numru 6 u għaldaqstant għat-tliet xhur li ġejjin dak il-Partit li kiseb l-aktar voti se jkun qed ikollu s-Sindakat f’idejh.

Dan fisser li Desirei Grech se tkun qed tokkupa l-kariga ta’ Sindku tal-lokalità għat-tliet xhur li ġejjin u proprju f’Ottubru se jkun qed jittieħed vot ieħor.

Is-Sindku ta’ Birkirkara appellat sabiex il-Kunsill dejjem iġib l-interessi tal-Karkariżi l-ewwel u qabel kollox, sabiex jinsew id-differenzi ta’ bejniethom u jaħdmu favur Birkirkara aħjar.

Intant, il-Viċi Sindku huwa l-kunsillier tal-PN Maurizio Gauci.

Dan kollu filwaqt li numru ta’ esponenti tal-Labour, fosthom id-Deputat Indipendenti Rosianne Cutajar u l-eks uffiċjal f’Kastilja Neville Gafà, taw x’jifhmu li l-Labour ħadem kontra Debono Grech tant li mhux qed jiġi eskluż li din lesta tirriżenja mill-Partit Laburista.