Lokali

Alfred Zammit jgħid li l-Labour ħadem kontrih matul il-kampanja elettorali

L-Eks Sindku tal-Belt Valletta, Alfred Zammit, ħass li kien hemm min fil-Partit Laburista ħadem kontrih sabiex hu ma jerġax jiġi elett bħala sindku tal-lokalità. U fil-fatt, il-magna ta’ Kastilja għamlet minn kollox biex timbotta lil Olaf McKay – li issa qed imexxi dan il-Kunsill, li diġa’ beda fuq sieq ħażina.

Alfred Zammit ġie elett fil-Kunsill Lokali tal-Belt iżda ma ħax il-pożizzjoni ta’ Sindku minħabba l-ammont ta’ voti li ġab. Bil-preżentatur Laburista jiddikjara mat-Times li mill-partit stess ħadmu kontrih.

Ma’ dan il-ġurnal, Alfred Zammit saħansitra ta x’jifhem li kapaċi anke jitlaq minn mal-Labour – xi ħaġa li kienet ilha tiċċirkola kemm fil-Counting Hall dakinhar tal-għadd tal-voti, kif ukoll fost il-Beltin fl-aħħar ġimgħat.

Alfred Zammit kien ilu sindku mill-2019 qabel ħa taħt idejh it-tmexxija Olaf McKay meta ġie elett bi 32 vot biss aktar minn Zammit.

Mistoqsi għalfejn m’attendiex il-ġurament tal-ħatra mal-kumplament tal-kunsillieri, Zammit qal li b’hekk seta’ jwassal messaġġ quddiem il-fatt li ma ħassux apprezzat mill-partit tiegħu stess għax-xogħol li huwa wettaq.

U issa li l-Kunsilli Lokali bdew bil-ħidma tagħhom favur il-lokalitajiet, filwaqt li l-kunsilliera kollha fil-Belt Valletta għandhom rwol partikolari, inkluż il-kunsilliera Nazzjonalisti, Olaf McKay naqas milli jagħti mqarr dekasteru wieħed taħt ir-responsabbiltà ta’ Alfred Zammit.

Id-diżgwid fil-Labour qalb il-kunsilleri eskala sew fl-aħħar ġimgħat – fosthom bir-riżenja ta’ kunsillier Laburista fin-Nadur, u bl-iktar każ riċenti jkun dak ta’ Birkirkara hekk kif Yana Debono Grech ivvotat kontra r-rieda ta’ Robert Abela.