EURO 2024 Futbol Sport

“Din l-edizzjoni tal-EURO kienet falliment personali għalija” – Kylian Mbappe

(Ritratt: EPA)

L-attakkant ta’ fama mondjali Kylian Mbappe stqarr li l-prestazzjoni tiegħu u tat-tim Franċiż f’din l-edizzjoni tal-EURO għandha tiġi kkunsidirata bħala falliment kbir, anke fuq livell personai fejn tidħol il-prestazzjoni tal-attakkant il-ġdid ta’ Real Madrid.

Mbappe huwa l-iktar plejer li pprova tentattivi lejn il-lasta, b’24 xutt, madankolllu huwa skorja biss gowl wieħed minn penalty fid-draw kontra l-Polonja.

L-attakkant Franċiż stqarr li l-ambizzjoni tiegħu kienet li jirbaħ din il-kompetizzjoni, u hekk kif Franza nqalgħet fis-semifinali kontra l-qawwa ta’ Spanja, hu ħass li dan huwa falliment personali għalih.

Mbappe kien il-captain tal-iskwadra Franċiża, u ma kien jidher xejn viċin tal-verżjoni li rajna fit-Tazza tad-Dinja, speċjalment bil-hat-trick li kien skorja fil-finali kontra l-Arġentina.

Din mhux l-ewwel darba li Mbappe ma kienx fl-aqwa forma fil-EURO, hekk kif f’EURO 2020 huwa falla l-penalty tant prezzjuż kontra l-Iżvizzera li dakinhar fisser li l-Franċiżi ġew eliminati fir-rawnd tal-aħħar 16.

Kuntrarju għall-prestazzjonijiet tiegħu fit-Tazzi tad-Dinja ta’ qabel, hekk kif fl-2018 Mbappe kellu biss 20 sena, huwa skorja 4 gowls u ovvjament rebaħ l-iktar unur prestiġjuż fid-dinja. Anke fl-2022, fejn minkejja li l-Franċiżi tilfu fil-finali, Mbappe spiċċa bħala l-aqwa skorer bi 8 gowls, u laħaq ir-rekord ta’ Pele li għandu l-iktar ammont ta’ gowls fit-Tazza tad-Dinja bi 12.