Lokali Qorti

Il-każ ‘misterjuż’ ta’ sparatura f’Tas-Sliema konkluż fil-Qorti b’sentenza sospiża

Il-każ hekk imsejjaħ għal perjodu ta’ żmien, ‘misterjuż’, f’Tas-Sliema, hekk kif fis-sigħat bikrin tal-15 ta’ Marzu li għadda kien instema’ dak li ġie deskritt bħala ħoss ta’ sparatura minn blokka ta’ appartamenti, ġie konkluż fil-Qorti wara li raġel ta’ 51 sena ammetta l-involviment tiegħu fil-każ u ngħata sentenza sospiża.

Antoine Degiorgio, residenti Tas-Sliema, ammetta quddiem il-Maġistrat Kevan Azzopardi li kien hu li spara l-arma b’mod aċċidentali mir-residenza tiegħu fl-imsemmija appartamenti. Hu stess kien qiegħed jassisti lill-Pulizija… li kienu ġew imsejħa wara li sar rapport fl-Għassa għall-ħabta tal-11am wara li seħħ l-inċident.

Dan l-inċident kien inkwieta mhux ftit lir-residenti fejn turista li toqgħod f’appartament fl-inħawi kienet sabet sinjal ta’ sparatura mal-ħajt tal-appartament tagħha u kienet ħasbet li xi ħadd kien qed jipprova jagħmel xi ħaġa lilha. Hi ma kenitx fir-residenza tagħha waqt l-isparatura, u ndunat bit-tir mal-wasla tagħha d-dar u għamlet rapport mal-Pulizija. Fortunatament ħadd ma kien ġarrab ġrieħi f’dan l-inċident.

Kien meta l-Pulizija marru fuq il-post li nnotaw binja li kellha xi ħsara… u kellmu lir-raġel sabiex jassisti fl-investigazzjonijiet. Aktar tard ġie stabbilit mill-Pulizija li kien għall-ħabta tas-sagħtejn ta’ filgħodu meta b’mod li s’issa għad irid jiġi stabbilit, jidher li l-pistola tar-raġel sparat b’mod aċċidentali.

Dwar dan il-każ infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Abigail Critien. Sadanittant, Degiorgio ammetta li fil-15 ta’ Marzu 2024, fir-residenza Falcom Hse, Blk B, Flat 5, Triq il-Kbira, Tas-Sliema, żamm arma tan-nar, jew munizzjoni mingħajr ma kellu liċenzja taħt Kapitolu 480 tal-Ligijiet ta’ Malta.

Hu ammetta wkoll li nhar il-15 ta’ Marzu 2024, għall-ħabta ta’ bejn nofsillejl u t-tlieta ta’ filgħodu fi Triq Amery, Tas-Sliema u fl-inħawi tal-madwar, b’nuqqas ta’ ħsieb, bi traskuraġni, jew b’nuqqas ta’ ħila fl-arti jew professjoni tiegħu, jew b’nuqqas ta’ tħaris tar-regolamenti, involontarjament ikkaġuna ħsara fuq
il-proprjetà Giorgio’s Boutique Hotel.

Il-Qorti fis-sentenza tagħha qalet li hija tal-fehma, tenut kont tal-ammissjoni bikrija tal-akkużat, tal-fatt li huwa kkopera bis-sħiħ mal-prosekuzzjoni, tal-fedina penali tal-akkużat li għalkemm mhix netta mhijiex waħda allarmanti, li huwa għandu impjieg fiss u li dan kien inċident sfortunat li però seta’ kellu konsegwenzi gravi.

Il-fatt li l-akkużat lest li jħallas l-ispejjeż dwar il-ħsara kkaġunata lill-vittma, il-Qorti qalet li sentenza ta’ priġunerija effettiva ma tilħaqx l-effett mixtieq, anzi x’aktarx li jkollha effetti negattivi biss kemm fuq l-akkużat kif ukoll fuq is-soċjetà.

Il-Qorti qalet li fuq ammissjoni ta’ Antoine Degiorgio issibu ħati tal-akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu, u tikkundannah għall-piena ta’ ħames xhur priġunerija, sospiżi għall-perjodu ta’ sentejn. Il-Qorti addizzjonalment wara li rat l-Artikolu 15A tal-Kodiċi Kriminali, Kapitolu 9 tal-Ligijiet ta’ Malta, ordnat li l-ħati għandu jħallas is-somma ta’ €1,638.40 bħala danni lill-vittma, liema danni ma jinkludux dawk id-danni kawżati minħabba telfien ta’ negozju.