Internazzjonali

Joe Biden iwiegħed aktar appoġġ għall-Ukrajna waqt summit kruċjali tan-NATO

Fil-bidu tas-Summit tan-NATO, il-President tal-Istati Uniti Joe Biden wiegħed ħames sistemi defensivi ġodda għall-Ukrajna – sistemi li se jingħataw mill-Amerikani flimkien mal-Ġermanja, l-Italja, l-Olanda u r-Rumanija, sabiex l-Ukreni jkunu aktar kapaċi jiġġieldu kontra r-Russja.

Din l-azzjoni waslet jumejn wara attakk Russu fuq sptar fi Kiev, il-belt kapitali tal-Ukrajna, fejn inqatlu 43 persuna.

Il-President Biden qal li l-Ukrajna se tibqa’ pajjiż indipendenti u ħielsa. Dan qalu b’ton ċar li jikkuntrasta bi kbir mal-mod li tkellem bih waqt id-dibattitu kontra l-Kap tar-Repubblikani Donald Trump.

Intant, il-Prim Ministru l-ġdid tar-Renju Unit Keir Starmer wiegħed is-sapport kontinwu mingħand il-Partit Laburista tal-Ingilterra għall-allenza tan-NATO.

Matul il-jum, Starmer iltaqa’ ma’ Joe Biden f’Washington fejn qed isir is-summit tan-NATO.