Tkompli tikber il-kritika għal kif qed jaġixxi l-Kummissarju tal-Films Johann Grech wara li fl-aħħar jiem sar magħruf li ntefqu mal-€500,000 f’film qasir li fih saħansitra deher l-istess Grech jirreċta.
L-Editorjal tal-MaltaToday iddedika l-opinjoni tiegħu għal dan il-każ skandaluż, fejn f’messaġġ indirizzat direttament lejn Johann Grech intqal illi jekk dan ried jiġbed l-attenzjoni fuqu, ma missux għamel hekk bi flus il-poplu; sempliċiment biex deher għal minuta kollox.
L-editur kompla li dan l-infiq ma kienx sempliċiment pass ħażin li ħa Grech, kif implika l-Ministru tat-Turiżmu, Clayton Bartolo. Iżda saħansitra sejjaħlu prima donna… li jaħseb li jista’ jonfoq flus il-poplu billi jakkomoda lilu personali minflok lis-settur.
U dan b’mod speċjali meta għadd ta’ atturi ħarġu jattakkaw lil Grech u ddeskrivewh bħala “bully”. U li saħansitra ilhom jistennew il-pagamenti għas-servizz tagħhom lejn l-industrija għal xhur sħaħ; iżda għadhom ma rċivew xejn.
Kien hawnhekk fejn l-editur appella biex issir investigazzjoni minn persuni li kompletament m’għandhomx rabta mal-Ministeru tat-Turiżmu sabiex dawk li qed jabbużaw mir-rwol tagħhom jitneħħew minnufih. Bl-editorjal jagħlaq billi jgħid li forsi wasal iż-żmien biex naraw tibdil drastiku fl-għola tmexxija.
//= $special ?>