Fit-tieni semifinali li tintlagħab illejla, l-Ingilterra ta’ Gareth Southgate se jkunu qed jilagħbu kontra t-tim ta’ Ronald Koeman l-Olanda.
L-Ingilterra avvanzat wara li fil-kwartifinali għelbu lill-Iżvizzera permezz tal-penalties filwaqt li l-Olanda eliminaw lit-Turkija bl-iskor ta’ 2-1. Din se tkun ir-raba’ darba li ż-żewġ pajjiżi se jilagħbu kontra xulxin f’tournament maġġuri. Fl-1988 iż-żewġ nazzjonijiet iltaqgħu fil-Kampjonati Ewropej fejn dakinhar l-Olanda rebħu 3-1. Sentejn wara ż-żewġ pajjiżi temmew fi draw ta’ 0-0 fit-Tazza tad-Dinja filwaqt li fl-EURO 1996 kienu l-Ingilterra li għelbu lill-Olanda 4-1.
Din se tkun ir-raba’ darba li l-Ingilterra se tilgħab fis-semifinali tal-Kampjonati Ewropej fejn kienu eliminati fl-1968 u l-1996, filwaqt li fl-aħħar edizzjoni eliminaw lid-Danimarka mis-semifinali u waslu fil-finali fejn tilfu kontra l-Italja permezz ta’ penalties.
L-Olanda minn naħa l-oħra kienu eliminati f’erba’ minn ħames semifinali li waslu fihom fil-Kampjonati Ewropej, fejn l-unika darba li avvanzaw kien fl-1988 u rnexxielhom jirbħu dik l-edizzjoni wkoll.
Il-kowċ Olandiż Ronald Koeman qal li għall-pajjiż kollu din hi okkażjoni speċjali hekk kif se jkunu qed jilagħbu fis-semifinali kontra l-Ingilterra. Il-kowċ Ingliż Gareth Southgate qal li l-intenzjoni tat-tim tiegħu hi li jilgħab il-logħba tiegħu, fejn minkejja l-pressjoni li kien hemm fuq il-plejers tiegħu sa mill-bidu tal-kompetizzjoni, iħoss li għamlu biċċa xogħol tajba.
//= $special ?>