EURO 2024 Sport

L-Ingilterra fil-finali għat-tieni darba konsekuttiva b’gowl ta’ Watkins fid-90 minuta

(Ritratt: EPA)

OLANDA……………….1

INGILTERRA………….2

Olanda: B.Verbruggen, D.Dumfries (J.Zirkzee 90’), S.de Vrij, V.van Dijk, N.Ake’, X.Simons (B.Brobbey 90’), J.Schouten, T.Reijnders, D.Malen (W.Werghorst 46’), M.Depay (J.Veerman 35’) , C.Gakpo

Ingilterra: J.Pickford, K.Walker, J.Stones, M.Guehi, B.Saka (E.Konsa 90’), K.Trippier (L.Shaw 46’) , D.Rice, K.Mainoo (C.Gallagher 90’), P.Foden (C.Palmer 81’), J.Bellinghem , H.Kane (O.Watkins 81’)

Imwissija: D.Dumfries 17’, V.van Dijk 87’, X.Simons 90’ (O), J.Bellingham 72’, K.Trippier 90’ (I)
Skorjaw: X.Simons 7’ (O), H.Kane 18’, O.Watkins 90’ (I)
Referee: Felix Zwayer (Ġermanja)

L-Ingilterra għaddew għat-tieni finali konsekuttiva tal-EURO hekk kif għelbu lill-Olanda 2-1 wara li dawru telfa f’rebħa. Kien is-sostitut Ollie Watkins li sab ix-xibka fid-90 minuta għall-gowl tar-rebħa.

L-Olanda bdew fuq sieq tajba minnufih hekk kif fis-7 minuta l-midfielder XAVI SIMONS irkupra ballun minn pożizzjoni avvanzata u ttanta xortih lejn il-lasti ta’ Pickford, bil-goalkeeper Ingliż jintervjeni iżda mhux biżżejjed u l-ballun jispiċċa fir-rokna ta’ fuq tax-xellug.

Fit-13-il minuta l-Ingliżi rrispondew permezz ta’ konklużjoni ta’ Harry Kane mill-bogħod, bil-goalkeeper Verbruggen isalva tajjeb.

Ftit minuti wara wasal anke l-gowl tad-draw għall-Ingilterra. Azzjoni maħduma brillanti minn Bukayo Saka mil-lemin li daħal fin-nofs u qabeż numru ta’plejers u lagħab f’saqajn Kane li ma rnexxilux jikkonkludi hekk kif id-difensur ta’ Inter Dumfries jolqotlu saqajh fl-azzjoni. Ir-referee Ġermaniż Felox Zwayer isaffar għall-penalty wara konsultazzjoni tal-VAR. Kien l-istess HARRY KANE li sab ix-xibka b’konklużjoni baxxa fir-rokna t’isfel tax-xellug mill-penalty.

Wara nofsiegħa logħob, Denzil Dumfries kważi jpatti għall-iżball li għamel b’daqqa ta’ ras potenti mill-korner ta’ Simons li taħbat mal-mindunda. Żewġ minuti wara, lasta għall-Ingliżi minn konklużjoni mid-distanza ta’ Phil Foden.

L-ewwel taqsima ntemmet bl-iskor ta’ 1-1, bl-Olandiżi jkunu l-aqwa tim fl-ewwel għaxar minuti, madankollu l-Ingilterra b’risposta soda għall-kumplament tal-ewwel taqsima.

Fit-68 minuta tentattiv ta’ Gakpo mis-suġġeriment ta’ Weghorst jimpenja lil Pickford bil-goalkeeper ta’ Everton jitfa’ barra għall-korner.

L-Ingliżi ħasbu li marru fil-vantaġġ fit-80 minuta permezz ta’ Bukayo Saka li xeħet ġewwa mill-pass ta’ Walker, madankollu l-gowl ġie annullat mingħajr ebda dubju li Saka kien f’pożizzjoni rregolari.

Tmiem mirakluż għall-Ingliżi hekk kif is-sostitut OLLIE WATKINS kien l-eroj tal-Ingliżi wara li sab ix-xibka b’tentattiv baxx mis-suġġeriment maħdum tajjeb tas-sostitut l-ieħor Cole Palmer preċiżament fid-90 minuta. Żewġ sostituzzjonijiet brillanti għall-Ingliżi li wasslu għar-rebħa.

Din hija t-tieni finali konsekuttiva li l-Ingilterra se tkun qed tilagħab f’din il-kompetizzjoni. Il-finali se tintlagħab il-Ħadd fid-9pm f’Berlin.