Lokali

Il-MASW tgħid li ma ġietx ikkonsultata dwar il-Bord tal-Appell

Filwaqt li l-Maltese Association of Social Workers (MAWS) taqbel li jkun hemm Bord tal-Appelli, fi stqarrija, hi qalet li “għal darb’oħra, l-assoċjazzjoni hija sorpriża u diżappuntata li saret taf dwar dan permezz ta’ sorsi terzi minflok ġew ikkonsultati dwar il-proċess li se jwassal għal diskussjoni fil-Parlament.

Il-MASW qalet li minbarra n-nuqqas ta’ konsultazzjoni, hi tinsab imħassba wkoll dwar il-fatt li l-Abbozz ta’ Liġi qed jiġi mgħaġġel fil-Parlament.

Quddiem dan, il-MASW qed tipproponi li l-Bord tal-Appelli jkun magħmul minn ħames social workers li jiġu nominati minn istituzzjonijiet edukattivi, mill-MASW u mill-Ministru responsabbli.

Huma qed jappellaw lill-Ministeru li jipprovdi konsulent legali, li ma jkollux vot, bil-MASW toġġezzjona li s-Sedja tkun avukat, kif qed jiġi propost.

Il-MASW qed tappella wkoll li tali bidliet għandhom jinvolvu aktar konsultazzjoni mal-partijiet involuti.