Lokali

Laqgħa pożittiva bejn il-Partit Nazzjonalista u n-National Building Council

Waqt laqgħa li saret bejn il-Partit Nazzjonalista u n-National Building Council, it-tnejn irrikonoxxew li l-pajjiż għandu bżonn direzzjoni ċara, speċjalment fl-ippjanar, fl-iżvilupp, fit-trasport u fl-infrastruttura.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech wiegħed li se jkunu qed jaħdmu biex dawn is-setturi li tant huma pilastri importanti fl-ekonomija ta’ pajjiżna, ikomplu jissaħħu u ma jibqgħux jitqiesu biss bħala kontroversjali u problematiċi.

Bil-Partit Nazzjonalsita li verament jista’ jkun Gvern alternattiv li jkun favur in-negozji, fl-istess waqt li pajjiżna jara l-kwalità u l-istandards. Dan hekk kif inutli li pajjiżna jkollu investituri li jagħmlu l-isforz kollu meħtieġ jekk ma jkunx hemm ukoll it-titjib u t-tisħiħ tal-infrastruttura.

Bernard Grech faħħar il-ħidma tal-Kamra tal-Periti u tal-MDA li dejjem ikunu minn ta’ quddiem nett b’mod proattiv sabiex jiġbdu l-attenzjoni kif l-affarijiet jistgħu jsiru aħjar.

Huwa wiegħed li se jkun qed jikkonsulta magħhom iktar minn qatt qabel filwaqt li jibqa’ qrib tagħhom hekk kif jemmen li huma verament iridu jaraw li sseħħ dak li huwa sewwa u ġust. Dan apparti li fil-ġimgħat u xhur li ġejjin se jkunu qed iħabbru l-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista għal dan is-settur filwaqt li se jkunu qed jinċentivaw proġetti ta’ kwalità.

Minn naħa tiegħu, il-President tal-MDA, Michael Stivala, appella sabiex pajjiżna jkollu gvern li verament jisma’ lill-professjonisti ħalli jassigura li s-settur jimxi ‘l quddiem bla ebda xkiel. Fil-fatt, huwa appella biex is-settur tal-kostruzzjoni jkollu liġijiet ċari għall-iżviluppaturi, b’level playing field kemm għal dawk li japplikaw għal xi żvilupp u anke għall-kumplament tal-poplu.

Indirizza wkoll din il-laqgħa l-President tal-Kamra tal-Periti, Andre Pizzuto fejn fakkar li ladarba l-Gvern jieħu bis-serjetà dan is-settur, titjieb il-kwalità tal-ħajja ta’ kull persuna. Dan apparti li rrimarka kif il-periti spiċċaw jiġu umiljati ta’ kuljum, anke minn persuni fl-ogħla karigi filwaqt li qed jispiċċaw jaffaċjaw tfixkil u reżistenza għal inkjesti tant meħtieġa.

Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm ukoll ix-Shadow Ministers Stanley Zammit, Toni Bezzina, Jerome Caruana Cilia u Graham Bencini, u membri oħra tal-Kunsill.