Lokali

“Mhux aċċettabbli li l-Ministru tal-Finanzi jipprova jfarfar u jevita r-responsabbiltà dwar it-tberbiq ta’ flus il-poplu” – PN

Wasal iż-żmien li Clyde Caruana jgħaddi mill-kliem għall-fatti u jerfa’ responsabbiltà tal-ħniżrijiet li għaddejjin fil-Gvern minn flus il-poplu. Mhux aċċettabbli li f’kummenti li ta lil NET News, Clyde Caruana pprova jfarfar u jitfa’ r-responsabbiltà fuq ħaddieħor għat-tberbiq ta’ flus il-poplu. Jekk il-Ministru tal-Finanzi ma jaqbilx mal-mod kif Ministeru ieħor qed iberbaq flus il-poplu, għandu jieħu azzjoni u mhux jaħsel idejh.

Hekk sostna Graham Bencini, ix-Shadow Minister għall-Finanzi, fejn fi stqarrija kompla jispjega li Clyde Caruana, li kien qalilna li rridu nibdew nissikkaw iċ-ċintorin, għandu responsabbiltà kbira li jassigura li flus il-poplu jintefqu b’mod responsabbli u ġust, speċjalment meta wieħed jiftakar li taħt it-tmexxija tiegħu u ta’ Robert Abela, id-dejn ta’ pajjiżna kważi żdied b’€5 biljun u issa ninsabu f’xifer li Malta tiddaħħal f’Excessive Deficit Procedure minħabba t-tberbiq ta’ flus il-poplu mill-Gvern ta’ Robert Abela u Clyde Caruana.