EURO 2024 Futbol Sport

Min eżatt hu Lamine Yamal? L-istorja taż-żagħżugħ ta’ 16-il sena li seraq ix-xena fuq l-ikbar stadju

(Ritratt: EPA)

Neil Camenzuli

Id-dilettanti tal-futbol f’dawn l-aħħar xhur bla dubju semgħu bis-sensazzjoni żagħżugħa Lamine Yamal, madankollu l-gowl straordinarju li skorja dan il-plejer nhar it-Tlieta fis-semifinali tal-EURO 2024 kontra Franza, ippromova lil Yamal bħala plejer ta’ fama mondjali.

Ftit ġranet ‘il bogħod milli jagħlaq 17, Yamal diġà lagħab iktar minn 60 partita mal-iskwadra ewlenija ta’ Barcelona, fejn skorja 7 gowls u għamel 8 assists. Huwa għamel id-debutt professjonali tiegħu lura f’April tal-2023 fejn daħħal bħala sostitut kontra Real Betis fir-rebħa ta’ 4-0 għal Barcelona. F’dik il-partita Yamal kien għadd kellu biss 15-il sena, u sar l-iżgħar plejer li lagħab ma’ Barcelona f’100 sena.

Yamal beda l-ewwel partita tiegħu fl-20 ta’ Awwissu fir-rebħa kontra Cadiz, fejn hemmhekk irċieva applaws kbir mingħand il-partitarji avversarji meta ħareġ bħala sostitut fl-aħħar minuti tal-partita. Fil-partita ta’ wara huwa għamel impatt kbir, hekk kif rebaħ l-unur tal-aqwa plejer tal-partita wara li ta żewġ assists kruċjali fir-rebħa ta’ 4-3 kontra Villareal.

Minn Awwissu s’issa, Yamal lagħab iktar minn 60 partita għal Barcelona, u eventwalment anke ġie introdott fl-iskwadra ewlenija tan-nazzjonal Spanjol.  L-ewwel darba li Yamal kien involut fit-tim kien lura f’Settembru fejn għamel id-debutt u skorja fir-rebħa ta’ 7-1 fuq Ċipru. Il-gowl kontra Ċipru jfisser li Yamal kiser ir-rekord tal-iżgħar skorer fl-istorja għat-tim Spanjol, rekord li qabel kien għand Gavi, plejer ieħor ta’ Barcelona.

Il-EURO 2024 hija l-ewwel kompetizzjoni li Yamal huwa involut mat-tim Spanjol. Fil-15 ta’ Ġunju għamel id-debutt tiegħu f’din il-kompetizzjoni kontra l-Kroazja fejn sar l-iżgħar plejer li qatt lagħab fil-EURO, wara li kiser ir-rekord tal-plejer Kacper Kozlowski tal-Polonja. F’dik il-partita huwa kien fundamentali hekk kif ta suġġeriment lil Carvajal.  Fil-partita tal-aħħar sittax kontra l-Georgia, huwa kiser ir-rekord tal-iżgħar plejer li lagħab fl-istadju tan-Knockouts.

Fil-kwartifinali huwa provda assist kruċjali kontra l-Ġermanja, biex fil-partita ta’ wara, skorja l-gowl tad-draw fis-semifinali kontra Franza.

Lamine Yamal twieled f’ Barċellona f’familja komuni. Ommu, Sheila Ebana, kienet mill-Equatorial Guinea u kienet taħdem f’restorant, filwaqt li missieru, li kien jaħdem fil-kostruzzjoni, Mounir Nasraoui, emigra lejn Spanja fl-1988 mill-Marokk. Il-ġenituri ta’ Lamine sseperaw meta kellu biss tliet snin, u sena wara huwa beda jilagħab il-futbol mal-klabb lokali La Torretta. Ta’ 7 snin huwa ffirma kuntratt ma’ Barcelona fejn hemm eventwalment kompla jittrenja u rebaħ postu mal-iskwadra ewlenija.