Lokali

Pressjoni inaċċettabli ta’ Robert Abela fuq il-ġudikatura – PN

Il-kummenti tal-Prim Ministru Robert Abela dwar il-proċeduri fil-Qorti kontra d-Deputat Mexxej tiegħu Chris Fearne jammontaw għal pressjoni inaċċettabbli fuq il-Maġistrat li qed jisma’ l-każ. Dan intqal fi stqarrijja mix-Shadow Minister tal-Partit Nazzjonalista għall-Ġustizzja, Karol Aquilina.

Robert Abela qed juri li ma tgħallem xejn mid-disfatta elettorali li għadu kif kellu u reġa’ qed jipprova jfixkel il-kors tal-ġustizzja. Minflok jagħti appoġġ sħiħ lill-prosekuturi li qed jagħmlu xogħolhom f’isem ir-Repubblika ta’ Malta kif inhu dmiru, Robert Abela qed jagħmel pressjoni fuq il-Maġistrat billi jitfa’ fuqu l-piż tad-deċiżjoni dwar in-nomina ta’ Malta għal Kummissarju Ewropew.

Robert Abela għandu jieqaf jilgħab dan il-logħob mas-sistema ġudizzjarja tagħna u għandu jieqaf jilgħab b’karigi li huma ta’ importanza kbira għar-reputazzjoni ta’ pajjiżna.

Wara erba’ snin u nofs fil-kariga, Robert Abela għadu ma bediex iġib ruħu ta’ Prim Ministru u għadu ma bediex iġib l-interess taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin qabel l-interessi partiġjani tiegħu.

Robert Abela jaf li d-Deputat Mexxej tiegħu diġà nstab ħati, flimkien mal-Kabinett kollu tal-predeċessur tiegħu, li ħoloq l-ambjent ta’ impunità li fih setgħet tinqatel il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Robert Abela jaf li jiddeċiedi x’jiddeċiedi l-Maġistrat fil-każ tal-akbar frodi fl-istorja ta’ pajjiżna, mhu se jibdel xejn mill-fatt li d-Deputat Mexxej tiegħu dejjem appoġġja b’diskorsu u b’għemilu l-ħniżrijiet u l-oxxenitajiet li għamel il-Gvern Laburista mill-2013 sal-lum.

Għaldaqstant, Robert Abela m’għandux ifarfar id-deċiżjonijiet diffiċli li obbligat jieħu bħala Prim Ministru fuq il-ġudikatura. Lill-ġudikatura għandu jħalliha taħdem b’serenità biex tasal għall-verità u għall-ġustizzja u mhux għal dak li jaħseb li jaqbel lilu u lill-Partit Laburista.

Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li Robert Abela għandu jirtira minnufih id-diskors li qal illum u għandu jiskuża ruħu mal-Imħallfin u mal-Maġistrati ta’ pajjiżna għall-ħsara li għamlilhom bil-kampanja li orkestra ma’ Joseph Muscat fl-aħħar xhur.

Il-Partit Nazzjonalista jinsisti wkoll li Robert Abela jieħu d-deċiżjoni politika li għandu jieħu dwar in-nomina ta’ Kummissarju Ewropew. Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li din id-deċiżjoni m’għandhiex tittieħed skont l-interessi partiġjani ta’ Robert Abela u tal-Partit Laburista iżda fl-aħjar interessi ta’ pajjiżna.

Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista jappella lil Robert Abela biex jibda jġib ruħu ta’ Prim Ministru u biex jieħu deċiżjonijiet li ma jkomplux ikasbru isem pajjiżna.