Mara li ammettiet li xaħħmet uffiċjal ta’ Trasport Malta biex tħaffef il-proċess biex in-neputi tagħha jikseb il-liċenzja tas-sewqan, tpoġġiet taħt probation. Meta ġiet biex tagħti s-sentenza tagħha, il-Qorti qieset il-fatt li Maria Assunta Camilleri qalet li lesta tixhed fi proċeduri oħra fil-Qorti.
Raġel li kien kixef l-iskandlu ta’ korruzzjoni tas-sewqan fi Transport Malta (TM) kien qal fil-Qorti li Clint Mansueto, Direttur ta’ TM, kien iġiegħlu jgħaddi persuni fit-testijiet tat-teorija tal-liċenzji tal-vetturi u jgħidlu li jekk ma jimxix mal-istruzzjonijiet tiegħu, kien se jispiċċa mkeċċi.
Mansueto kien qallu wkoll li kellu pressjoni mill-Ministru Ian Borg, fi żmien li dan kien Ministru responsabbli mit-Trasport, biex jgħaddi lil ċerti kandidati. Skont dan ir-raġel li kien qed jaġixxi ta’ whistleblower, qal ukoll li Mansueto kien qallu li hemm kandidati li kellhom jgħaddu bilfors u li dawn kienu jaħdmu f’villa ta’ Ministru. Qal ukoll li parti mill-ħlas li suppost kellu jieħu tax-xogħol li kien jagħmel bħala traduttur, kien jieħdu Mansueto stess.
Maria Assunta Camilleri, residenti Ħaż-Żebbuġ, għamlet kuntatt ma’ Mansueto sabiex toffrilu flus biex in-neputi tagħha jġib il-liċenzja tas-sewqan. Camilleri kienet tressqet il-Qorti akkużata li f’Lulju 2021 ippruvat ixxaħħam uffiċjal pubbliku.
Fix-xhieda tiegħu, L-Ispettur Wayne Rodney Borg qal li l-komunikazzjoni bejn Camilleri u Mansueto saret bejn Awwissu 2021 u Frar 2022 b’wieħed mill-messaġġi jirreferi għas-somma ta’ €50. Il-kunjom tan-neputi ‘Galdes’ deher ukoll f’wieħed mid-djarji ta’ Mansueto u isem Camilleri deher f’chat bejn Mansueto u wieħed mill-eżaminaturi.
Fix-xhieda tagħha, Camilleri qalet li hija tkellmet ma’ Mansueto u skont hi għamlet hekk “biex tħaffef il-proċess”, iżda qalet li tat il-€50 biss bħala ringrazzjament. Uffiċjal tal-probation li ntalab jikteb rapport dwar Camilleri qal li l-mara hi persuna “ġenwina” li kellha relazzjoni mill-qrib man-neputijiet tagħha.
Ir-rapport qal ukoll li Camilleri kellha bżonn tagħraf il-konsegwenzi tal-azzjonijiet tagħha. Ir-rapport qal li dan il-każ m’għandux iħarbat il-ħajja ta’ Camilleri biex tibqa’ ffukata fuq il-familja tagħha. Fid-dawl ta’ dawn ir-rakomandazzjonijiet, il-Maġistrat Gabriella Vella poġġiet lil Camilleri taħt probation order. Hija kienet ordnata li tħallas is-somma ta’ €1,068.80 fi spejjeż tal-Qorti.
L-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri dehru għal Maria Assunta Camilleri.
//= $special ?>