Skont l-NSO, fi tmiem l-2023 il-popolazzjoni totali ta’ Malta u Għawdex kienet stmata li tlaħħaq il-563,443 persuna – żieda ta’ 3.9 fil-mija meta mqabbla mas-sena ta’ qabel.
Ir-raġuni ewlenija taż-żieda fil-popolazzjoni kienet il-ħaddiema li nġiebu minn barra. Tant li skont iċ-ċifri, il-migrazzjoni netta totali fl-2023 kienet ta’ 20,960 persuna. Dan meta wieħed inaqqas il-persuni li telqu mill-pajjiż.
Ċittadini mhux tal-UE kienu jirrappreżentaw 93.1 fil-mija tal-migranti netti totali fl-2023.
Skont l-NSO, fl-2022 il-barranin li daħlu f’Malta kienu jammontaw għal kważi 35,000 persuna. Biex imbagħad, is-sena li għaddiet, dan l-ammont kompla jiżdied u laħħaq it-42,000 persuna li ġew minn barra – għal total li jiżboq is-77,000.
In-numri għall-2022 u l-2023 juru wkoll li l-akbar żieda ta’ barranin seħħet f’dawn l-aħħar sentejn, bil-Gvern ta’ Robert Abela jkompli jibbaża l-mudell ekonomiku tiegħu fuq l-importazzjoni ta’ ħaddiema minn barra – mingħajr ebda pjan.
Intant, l-NSO wera li ż-żieda naturali fil-popolazzjoni kienet 5.5 darbiet aktar meta mqabbla mas-sena ta’ qabel, riżultat ta’ żieda fit-twelid ta’ trabi minn residenti u tnaqqis fl-imwiet.
Sa tmiem l-2023, 53 fil-mija tal-popolazzjoni residenti totali kienu rġiel. Persuni taħt it-18-il sena kienu jagħmlu 14.7 fil-mija tal-popolazzjoni totali, filwaqt li 18.4 fil-mija kellhom 65 sena jew aktar.
//= $special ?>