Lokali Qorti

30 xahar ħabs wara li sawwat lill-eks tfajla tiegħu brutalment

Raġel ta’ 31 sena minn Ħal Qormi kien ikkundannat 30 xahar ħabs wara li nstab ħati li sawwat lill-eks tfajla tiegħu wara li rrifjutat li tidħol id-dar sakemm ilesti biex joħorġu u minflok qagħdet fil-karozza. Liam Spiteri kien mixli mill-Ispettur Joanna Piscopo li fit-18 ta’ April ta’ sentejn ilu, f’Ħal Qormi, ikkaġuna ġrieħi gravi lill-eks tfajla, li heddidha u li kiser sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati wkoll fuq vjolenza domestika.

It-tfajla xehdet li huwa ried joħroġ imma hi ma xtaqitx peress li l-għada kienet xogħol. Huma ftehmu li joħorġu ftit u hija qagħdet tistennieh fil-karozza għax ma sabitx fejn tipparkja imma huwa riedha tidħol ġewwa.

Hija xehdet li qabadha minn xagħarha, ħariġha mill-karozza u, fi kliemha, sawwatha qisu miġnun”. It-tfajla qalet li beda jkisser l-għamara u jagħtiha fuq rasha waqt li taha bil-ponn u sakkarha ġewwa. Qalet li l-inċident dam minn nofsillejl għal xis-6.30am meta fetħilha u taha ċ-ċwievet tal-karozza imma qabel qalilha biex ma tmurx tirrapporta lill-Pulizija.

It-tfajla żiedet li kawża tal-inċident għaddiet minn trawma mentali minbarra li sofriet ġrieħi fiżiċi. Fl-istqarrija li ta lill-Pulizija, l-akkużat ammetta li ħebb għall-eks tfajla imma sostna li hija tatu daqtejn ta’ ħarta fil-karozza u bdiet toffendih fid-dar.

Huwa żied li mbuttaha u waqgħet imbagħad ippruvat tħebb għalih, fejn tagħtu daqqa b’imqass, u kien għalhekk li beda jagħtiha. Il-Maġistrat Rachel Montebello emmnet il-verżjoni tat-tfajla u rrimarkat li l-Qorti kienet fid-dmir li tipproteġi lill-vittmi ta’ vjolenza.

Il-Qorti fis-sentenza tagħha qalet li għandha dmir li tipproteġi lill-vittmi ta’ vjolenza u tqis li apparti li għandha tieħu ħsieb li tagħti l-provvedimenti meħtieġa għar-riforma tal-imputat u għall-protezzjoni tal-vittma kif ukoll tas-soċjetà in ġenerali minn aġir aggressiv u vjolenti bħal dik manifestata mill-imputat.

Il-Qorti qalet li għandha teroga piena li sservi ta’ deterrent biex kull min mingħalih li l-vjolenza domestika hija biss perċezzjoni, jew xi fenomenu li għandu jibqa’ mistur jew ittollerat, ikun mgħarraf li għandu żball. Ebda forma ta’ vjolenza senjatament vjolenza domestika ma għandha tiġi tollerata u bla dubju, fiċ-ċirkostanzi tal-każ, l-egħmil tal-imputat jimmerita piena idonea li twassal messaġġ ċar li l-vjolenza fuq in-nisa kif ukoll kwalunkwe vjolenza f’unità domestika hija deplorevoli u għandha tiġi kkundannata b’mod gravi.

Il-Qorti ordnat ukoll lill-imputat sabiex jieħu trattament psikoloġiku biex jiġi assigurat li jibdel l-attitudni tiegħu lejn il-vjolenza domestika u biex jiġi prevenut l-għemil ta’ reati oħrajn Hija kkundannat lil Spiteri 18-il xahar ħabs talli kkaġuna ġrieħi gravi lill-eks tfajla u magħhom ordnat li tidħol fis-seħħ sena ħabs li kien weħel fuq każ ieħor.

Il-Maġistrat Montebello ħarġet ukoll ordni ta’ trażżin għal tliet snin biex tipproteġi lit-tfajla. Din tibda tgħodd minn meta jiskonta l-piena. Hija ordnat ukoll lil Spiteri jsegwi trattament psikoloġiku għal sentejn biex jifhem li l-vjolenza domestika mhux aċċettabbli.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Joanna Piscopo.