Lokali

Abela jammetti li ma fetaħx l-arbitraġġ internazzjonali hu – jgħid li qed iħossu intimidat

Il-Gvern jibqa’ ma jiżvelax l-ammont ta’ kemm insterqu miljuni ta’ ewro minn but il-poplu

Wara xhur sħaħ, sa fl-aħħar, il-Prim Ministru Robert Abela ammetta bl-aktar mod ċar is-sewwa magħruf – li l-arbitraġġ internazzjonali b’rabta mal-frodi tat-tliet sptarijiet mhux il-Gvern immexxi minnu fetħu, imma l-kumpanija Steward Healthcare.

Dan saħqu Abela stess il-Ħamis waranofsinhar f’konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja indirizzata flimkien mal-Ministru Jonathan Attard, meta kien mistoqsi minn Net News għal-liema raġuni ma kienx qiegħed jgħid dak li huwa minnu meta kien qiegħed jitkellem fuq l-istep in tal-Gvern fl-isptarijiet u l-arbitraġġ.

Mal-ġurnalisti preżenti, Robert Abela qal li mas-sentenza li ngħatat mill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili lura fi Frar tal-2023, huwa ħa lura l-isptarijiet f’idejh; diskors deskritt mill-esperti fis-settur mediku bħala wieħed intiż biex jiżgwida lill-poplu.

Dan ma huwa assolutament minnu xejn hekk kif kien fis-16 ta’ Marzu tal-2023 meta Steward Healthcare itterminaw il-kuntratt mal-Gvern Malti, bil-Gvern jieħu f’idejh l-isptarijiet, ħamest ijiem wara – ċioè b’reazzjoni għall-aġir tal-Amerikani. U grazzi għall-kawża li kien fetaħ id-deputat Adrian Delia.

Mistoqsi mill-ġurnalisti preżenti dwar kemm qiegħed jitlob il-Gvern mingħand Steward Healthcare – ċioé kemm il-mijiet ta’ miljuni ta’ ewro serqu minn but il-poplu fi frodi jekk mhux €400 miljun – il-Ministru Attard ma riedx jgħid eżatt l-ammont, u qal li se jipprovaw jagħmlu minn kollox biex iġibu l-flus lura.

Dan prattikament f’ammissjoni li huwa minnu li serqu mit-taxxi tal-familji Maltin u Għawdxin – mhux għax kien hemm bżonn iżjed evidenza mill-fatt li l-Isptar San Luqa tħalla abbandunat f’dak l-istat, u li l-Isptar ġdid f’Għawdex baqa’ ma sarx.

Mistoqsi minn Net News għalfejn ma kienx informa lill-poplu Malti u Għawdxi lura fl-2020 meta nduna b’li kien qed jiġri fis-settur tas-saħħa, il-Prim Ministru Abela alluda li ma kellux idea, u fl-aħħar erba’ snin mexa b’mod korrett f’dan il-każ –  minkejja li hu stess reġa’ qal li kien infurmat permezz ta’ ittra mingħand Steward infushom li kien hemm xi tip ta’ frodi bid-deal tal-Vitals.

Intant, mistoqsi għal aktar minn darba dwar jekk hux se jiftaħ kawża fil-Qrati Maltin biex iġib lura l-€400 miljun, Abela baqa’ ma weġibx – bl-istorja tal-aħħar snin turi li t-tmexxija ta’ Robert Abela hija waħda reattiva għall-aħħar, iħalli lil ħaddieħor jaħdem u jmexxi u hu flimkien mat-tim tiegħu jibqgħu gallarija.

Matul il-konferenza Abela esprima ruħu frustrat għall-fatt li l-Kap tal-PN Bernard Grech qed jagħmel minn kollox biex iġib lura l-€400 miljun misruqa minn Vitals u Steward. Abela jgħid li dan kollu huwa “theddid u intimidazzjoni”.