Il-Maġistrat Rachel Montebello ddikjarat li hemm biżżejjed evidenza biex il-każ ta’ korruzzjoni jkompli kontra r-raġel maħsub li huwa s-sid maġġoritarju sigriet ta’ Vitals Global Healthcare. Hi qalet li kien hemm biżżejjed raġunijiet prima facie biex Shaukat Ali Chaudhry u martu jkomplu jiffaċċjaw proċess kriminali fil-konfront tagħhom.
Huma qed jiffaċċjaw akkużi ta’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus marbuta mal-ftehim ta’ privatizzazzjoni tal-isptarijiet li ġie annullat minn Qorti s-sena l-oħra. Chaudhry u martu Shaukat Aasia Parveen ġew akkużati l-ġimgħa li għaddiet b’korruzzjoni, ħasil ta’ flus, u reati oħra b’rabta mal-ftehim tal-Vitals biex jiġu privatizzati tliet sptarijiet tal-istat.
In-negozjant Pakistani Shaukat Ali Chaudhry ta’ 73 sena, tressaq il-Qorti l-Erbgħa tal-ġimgħa l-oħra permezz ta’ ċitazzjoni fejn ġie akkużat b’reati b’rabta mal-ftehim tal-Vitals biex jiġu privatizzati tliet sptarijiet tal-istat. Huwa mifhum li Ali huwa l-allegat moħħ barrani b’rabta ma’ dan id-deal frawdolenti, terminu diġà użat minn żewġ Qrati Maltin.
It-tnejn kienu wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjubin kontrihom. Iben Chaudhry, Asad Ali, jinsab akkużat ukoll b’reati b’rabta mal-ftehim tal-isptarijiet. Huwa qed jiġi akkużat separatament. Il-prosekuturi qed jallegaw li l-familja approfittat illegalment mill-ftehim, billi użaw kumpaniji kkontrollati minn Ali Mount Everest FZ LLC u Global Assets Holdings biex jagħmlu dan.
Aktar tard il-Pulizija ressqet ukoll lil mara ta’ Shaukat Ali, Aasia Shaukat Parveen ta’ 52 sena, mixlija b’akkużi simili għal dawk ta’ żewġha. Il-mara li wkoll hija mill-Pakistan, qalet li hija mara tad-dar u bħal żewġha wieġbet mhux ħatja tal-akkużi kollha miġjubin kontriha.
Bħalma għamlet fil-każ ta’ Shaukat Ali, il-prosekuzzjoni kienet għamlet talba lill-Qorti għall-ħruġ ta’ ordni ta’ qbid u ffriżar bis-somma tkun dik ta’ €20 miljun. Bħalma sar fil-konfront ta’ żewġha, id-difiża oġġezzjonat għal din it-talba.
Dokumenti li nkisbu mill-investigaturi wrew l-għadd kbir ta’ rabtiet tiegħu mal-ftehim tal-isptarijiet. Martu kienet direttur tal-kumpanija ta’ Vitals, Bluestone Investments. Ibnu qed jiffaċċja wkoll akkużi kriminali u li għamel flus billi pprovda IT u servizzi oħra lill-isptarijiet. Ali nnifsu sar konsulent tal-Vitals u ngħata kuntratt ta’ €100,000 fix-xahar.
Il-prosekuzzjoni qed titlob ukoll biex jiġu ffriżati fil-konfront tiegħu personali s-somma ta’ €30 miljun; is-somma ta’ €5 miljun kull wieħed lil Mount Everest FZ LLC u Mount Everest General Trading LLC; €9 miljun lill-kumpanija VGH Europe AG, u s-somma ta’ €100,000 kull wieħed lill-kumpaniji Mount Everest Investments Limited u STE Health Co.
Fil-fatt l-prosekuzzjoni talbet ordnijiet ta’ ffriżar sinifikanti, fosthom €30 miljun kontra Chaudhry Sr. personalment, u ammonti varji kontra l-kumpaniji involuti, li jammontaw għal aktar minn €219-il miljun. Il-każ huwa parti minn investigazzjoni usa’ dwar il-kuntratt ta’ €4 biljun, ta’ 30 sena mogħti lil Vitals, u aktar tard trasferit lil Steward Healthcare, għall-operat ta’ tliet sptarijiet pubbliċi f’Malta.
Il-ftehim ġie revokat mill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili u kkonfemat fl-appell wara li nstab li kien “imċappsa bi frodi” u naqas milli jissodisfa l-obbligi kuntrattwali. Sadanittant il-Ħamis stess il-Maġistrat Montebello ordnat lill-prosekuzzjoni tipproduċi rekords u dikjarazzjonijiet ta’ kontijiet bankarji ta’ kumpaniji bbażati fl-Isvizzera marbuta ma’ Chaudhry.
Qalet li dawk kienu meħtieġa biex jiġu ppruvati l-akkużi ta’ kummerċ fl-influwenza, ħasil ta’ flus kif ukoll l-ammonti allegatament involuti fit-tranżazzjonijiet finanzjarji. Dokumenti oħra neqsin relatati mal-kumpanija prinċipali ta’ Steward ibbażata fl-Istati Uniti huma meħtieġa biex jidentifikaw it-tranżazzjonijiet finanzjarji bejn il-kumpanija u Chaudhry.
Il-qorti ordnat ukoll lill-prosekuzzjoni biex tipproduċi informazzjoni, rekords u dettalji tal-kontijiet mill-UAE relatati mal-akkużat. L-avukati tal-AĠ Francesco Refalo, Rebekah Spiteri u Shelby Aquilina flimkien mas-Supretendent Hubert Cini u l-Ispettur Wayne R Borg tħarrku. L-avukati Shazoo Ghaznavi u Jessica Formosa kienu l-avukati difensuri.