Wara li fil-bidu tas-sena l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà pprova jwaqqaf il-proċeduri ta’ Repubblika kontrih dwar il-Bank Pilatus, bil-Qorti ma taqax għall-manuvri tiegħu u qatgħatha kontrih, fit-trattazzjoni fil-każ ta’ sfida ta’ Repubblika kontra l-Kummissarju tal-Pulizija, il-Pulizija qalu li Antoniella Gauci u Mehmet Tasli huma innoċenti u kien għalhekk li l-Kummissarju ma mexxiex fil-Qorti kontrihom.
L-Avukat Jason Azzopardi f’isem Repubblika, issottometta li n-nolle prosequi maħruġ mill-Avukat Ġenerali fuq talba tal-Kummissarju tal-Pulizija fir-rigward ta’ Antoniella Guaci u Mehmet Tasli, ma jorbotx idejn il-Korp tal-Pulizija imma jorbot biss idejn l-Avukat Ġenerali.
Dan għaliex għal diversi reati, il-kompetenza għall-prosekuzzjoni hi f’idejn il-Kummissarju biss. Dr. Azzopardi qal li bil-provi li kien ressaq in-Nutar Robert Aquilina f’isem Repubblika, f’din il-kawża kien ġie ampjament ippruvat li Anġlu Gafà kellu obbligu jressaq lill-persuni kollha indizjati mill-Maġistrat Ian Farrugia fl-Inkjesta Pilatus, iżda naqas milli jagħmel dan.
Ir-rappreżentant tal-Kummissarju tal-Pulizija stqarr li fil-fehma tal-Korp, Antoniella Gauci u Mehmet Tasli huma innoċenti u hu għalhekk li l-Kummissarju ma mexxiex fil-Qorti kontrihom. Minkejja li ilhom minn Marzu tal-2021 iffirmati mill-Maġistrat Ian Farrugia, il-mandati ta’ arrest internazzjonali kontra s-sidien u uffiċjali għolja tal-Pilatus Bank baqgħu ma nħarġux.
Dawn kienu ffirmati ftit ġimgħat biss wara li ntemmet l-inkjesta li swiet lill-pajjiż €7.5 miljun u li investigat allegazzjonijiet ta’ ħasil ta’ flus mill-istess bank. Apparti s-sid, Ali Sadr Hasheminejad, Repubblika qalet li l-inkjesta ssemmi lil Mehmet Tasli, li kien Operations Supervisor tal-Bank Pilatus; Rivera Luis Felipe li kien direttur u segretarju tal-bord tal-bank; Ghambari Hamidreza, direttur ieħor tal-Pilatus; Ali Sadr Hasheminejad u Antoniella Gauci li kienet iċ-Chief Risk Officer tal-bank Pilatus.
F’kummenti wara s-seduta tal-Ħamis, il-President Onorarju ta’ Repubblika, in-Nutar Robert Aquilina, qal li din l-affermazzjoni tar-rappreżentant ta’ Anġlu Gafà hi xokkanti, għaliex tikkuntrasta mall-fatt li inkjesta Maġisterjali li swiet €7.5 miljun stabbiliet u ordnat li dawn iż-żewġ persuni għandhom responsabbiltà penali xi jġorru u għalhekk għandhom jaffaċċjaw akkużi kriminali flimkien mal-kumplament tal-klikla tal-Bank Pilatus.
In-nutar Aquilina qal li Anġlu Gafà mhux talli mhux qed jiddefendi liċ-ċittadini Maltin onesti, talli qed jaqbeż għall-kriminali li ħaddmu magna tal-ħasil tal-flus f’Malta u ħammġu isem pajjiżna madwar id-dinja.
Is-seduta ġiet differita għall-10 ta’ Diċembru għas-sentenza. Il-każ qed jinstema’ mill-Maġistrat Nadine Lia.
//= $special ?>