Internazzjonali

Il-Ġermanja:  Lejn l-istazzjonar mill-ġdid tal-missili tal-Istati Uniti – bir-Russja twiegħed ‘reazzjoni’

L-Istati Uniti, mill-2026, għandha tistazzjona ‘kull tant żmien’ il-missili għal fuq distanzi twal fl-artijiet tal-Ġermanja – u għall-ewwel darba mit-tmiem tal-Gwerra Bierda.

Dan ħareġ mis-summit ta’ Washington, li, fl-aħħar jumejn, kien qed ifakkar il-75 anniversarju mit-twaqqif tal-Alleanza – u bir-Russja tagħmilha ċara li għandha tirreaġġixxi għal din l-allegata theddida għas-sigurtà tagħha.

L-Istati Uniti u l-Ġermanja, fi stqarrija konġunta, qalu li l-missili tat-tip Tomahawk (cruise) u SM-6, flimkien mal-missili ħipersoniċi kapaċi jwasslu għal ħafna aktar fit-tul mill-missili eżistenti.

U filwaqt li dawn il-missili kienu projbiti taħt it-trattat tal-1988 bejn l-Istati Uniti u l-Eks Unjoni Sovjetika (li r-Russja kienet tifforma parti minnha), il-Gvernijiet ta’ Washington u Moska t-tnejn kienu ħarġu mit-trattat madwar ħames snin ilu.

Min-naħa tiegħu, il-Viċi Ministru Russu għall-Affarijiet Barranin, Sergei Ryabkov, qal li Moska għandha twieġeb ‘fuq livell militari’ u li l-istazzjonar tal-missili fil-Ġermanja għandha titqies bħala pass ieħor fl-eskalazzjoni tas-sitwazzjoni perikoluża li żviluppat, tul is-snin, bejn il-Kremlin u l-Punent.

Fl-istess ħin, ir-Russja qed tgħid li l-Istati Uniti u n-NATO qegħdin jagħmlu l-aħjar tagħhom biex jintimidawha – anki jekk l-Istati Uniti u l-Ġermanja għamluha ċara li l-istazzjonar tal-missili għandu jsir fuq bażi temporanju u ‘qabel isir permanenti ‘l quddiem fil-futur’.

L-Istati Uniti qed tieħu l-pass bħala tisħiħ tal-impenji tagħha lin-NATO u tas-sistemi integrati mal-Ewropa li jipprovdu deterrent għal kull forma ta’ aggressjoni militari.

Il-pjan tal-Istati Uniti hu wkoll biex il-Ġermanja u pajjiżi Ewropej oħrajn jinvestu aktar fl-akkwist u l-iżvilupp tal-missili għal fuq id-distanzi twal bħala l-aħjar forma ta’ difiża fiċ-ċirkustanzi tal-lum.