Lokali

Il-Ministru Clayton Bartolo jinqabad iqarraq dwar il-Film Studios

Konferma li Gvern Nazzjonalista qatt ma kellu pjan li jdawwar wieħed mit-tankijiet tal-ilma tal-Malta Film Studios biex isir xi fish farm – konferma li waslet mill-fact checker tat-Times of Malta. Dan wara li l-ġimgħa li għaddiet il-Ministru Clayton Bartolo ta x’jifhem li Gvern Nazzjonalista kien wara din il-proposta li saret mis-sid tal-Film Studios, Jost Merten, meta dak iż-żmien il-post kien immexxi mill-privat; proposta li Merten ressaq kważi 25 sena ilu.

Fl-1999 l-Istudio kellu żewġ tankijiet li kienu jintużaw għall-produzzjonijiet. U Merten kien ħareġ bl-idea sabiex it-tank li kien jintuża biss darbtejn fis-sena jinbidel f’fish farm sabiex l-industrija tal-films terġa’ ssib saqajha peress li kien hemm problemi finanzjarji.

Iżda din il-proposta li tressqet fil-11 t’Ottubru tas-sena 2000, ġiet irtirata fis-7 ta’ Marzu tal-2001, għaliex Gvern Nazzjonalista kien oppona din il-proposta sa mill-bidu. Dan filwaqt li Merten stess ikkonferma mat-Times li l-idea kienet tiegħu, u li l-Gvern ta’ dak iż-żmien kien kontra.

Ikkummenta wkoll il-Kummissarju tal-Films ta’ dak iż-żmien Winston Azzopardi li qal li l-Kummissjoni tal-Films kienet kontra din l-idea għaliex iż-żewġ tankijiet kienu essenzjali għall-industrija tal-films f’pajjiżna.

Dan kollu jfisser illi dak li allega l-Ministru Clayton Bartolo mhuwiex minnu, u li kien qed jipprova jagħti stampa għal kollox differenti mill-verità.