Lokali

Illum il-Qorti tefgħet ir-responsabbiltà fuq il-Prim Ministru biex inġibu lura l-flus ta’ Vitals u Steward

Illum il-Qorti tefgħet ir-responsabbiltà li nġibu flusna lura fuq il-Prim Ministru. Iddikjarat li hu biss jista’ jibda proċeduri biex inġibu l-flus li serqulna lura jew jawtorizza dawn il-proċeduri.

Hekk stqarr il-Kap tal-PN Bernard Grech wara li l-Qorti tat deċiżjoni fuq il-kawża kontra l-Avukat tal-Istat. Il-Kap tal-PN fakkar li sfortunatament, Robert Abela għadu sal-lum jirrifjuta li jiftaħ dawn il-proċeduri, u għadu jiddefendi lil dawk li serquna u frodawna.

Issa, fi kliem Bernard Grech, għandna konferma li l-unika mod li nistgħu nġibu flusna lura huwa billi jkun hemm bidla fil-Gvern.

Barra l-Qorti, il-Kap tal-PN fakkar kif Robert Abela – wara li rrifjuta li jiftaħ proċeduri biex ikun hu li jġib lura l-€400 miljun – mar il-Qorti biex iwaqqaf milli l-Avukat tal-Istat jiftaħ proċeduri biex iġib lura l-€400 miljun li l-Gvern Laburista ta lil Steward u lil Vitals.

Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti qalet li l-Avukat tal-Istat ma jistax jaġixxi mingħajr il-permess tal-Gvern.

“Dan ifisser li la darba Robert Abela ma jridx jagħti permess lill-Avukat tal-Istat biex jaġixxi, l-unika mod li nġibu flusna lura huwa billi jinbidel il-Gvern.”

“La darba Robert Abela jibqa’ jinsisti li jabdika mir-responsabbiltà tiegħu, mil-lum ‘il quddiem irridu nżidu l-ħidma tagħna biex nassiguraw li jkun hawn Gvern ġdid li lest jiġġieled għall-poplu Malti u Għawdxi u biex inġibu flusna lura.”