Lokali Qorti

Impjegat ta’ pastizzeria mmultat €3,000 talli naqas li joħroġ irċevuti tal-VAT

Spezzjoni sorpriża min-naħa tad-Dipartiment tal-VAT spiċċat swiet l-eluf fuq impjegat f’pastizzerija, wara li nstab ħati li kiser l-Att dwar it-Taxxa tal-VAT. Glenn Gerald Urry ta’ 25 sena minn Ħal Tarxien, ingħata multa ta’ €3,000 talli naqas li joħroġ irċevuti tal-VAT f’sentenza mogħtija mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace.

Żewġ xhieda, spetturi tal-VAT, xehdu li waqt spezzjoni sorpriża fil-FourT’s Pastizzeria, f’Raħal Ġdid, fl-24 ta’ Novembru 2022, kienu osservaw klijent iħallas €1.70 għal pizza. L-ispetturi kienu waqqfu lill-klijent barra l-ħanut u talbu biex jaraw l-irċevuta tal-VAT, iżda r-raġel ma setax jikkonforma peress li ma kinitx inħarġitlu waħda.

Ir-raġel mar lura fil-ħanut akkumpanjat mill-ispetturi, u talab lil Urry, li kien wara l-bank, biex joħroġ irċevuta. L-ispetturi innutaw li l-aħħar irċevuta maħruġa u li kienet imwaħħla mal-cash register, kienet inħarġet siegħa qabel.

Fil-Qorti l-ispetturi esebixxew il-qari meħuda mill-istess cash register. Minbarra l-irċevuta ta’ €1.70 għall-pizza li l-ispetturi tal-VAT kienu ordnaw li joħroġ lill-kaxxier, sabu żewġ irċevuti oħra mwaħħla mal-cash register, li qabdu bħala prova biex juru li ma kienx hemm aktar irċevuti għal dak l-ammont li nħarġu matul iż-żmien bejn meta kienu ġew stampati u dak tal-irċevuta mogħtija lill-ispettur.

Taħt kontro-eżami, l-ispetturi qalu li huma ma jirreġistrawx l-isem tax-xerrej. “Konna fuq il-post, stajna naraw it-tranżazzjoni.” Meta mistoqsi jekk il-klijent kienx ingħata xi bqija, spettur wieħed ma setax jiftakar, iżda spjega li dak li kien importanti għalihom li jinnotaw kien il-fatt li t-tranżazzjoni kienet tlestiet.

Meta l-ispetturi kienu rrimarkaw lil Urry li ma kienx ħareġ l-irċevuta, “hu lanqas ilmenta,” u kien stampa waħda mill-ewwel. It-total tad-dħul għal dak il-jum kien ta’ €1.30, qalet il-Qorti. L-akkużat, Glenn Gerald Urry, kien xehed fid-difiża tiegħu f’Ottubru 2023, u qal lill-Qorti li “dak li kien ġara dak iż-żmien kien li r-romblu tal-cash register spiċċa u ma stajtx insib ieħor ġdid.”

“Il-qari kien ta’ €630, issa hawn qed nitkellmu fuq ħanut tal-pastizzi, mhux ġojjellier. €630 huwa ammont mhux ħażin,” spjega l-imputat. Quddiem klijenti esiġenti, huwa ma kienx kapaċi jsib romblu ieħor, huwa qal. “Dik kienet il-problema kollha. Ma stajtx insib dan ir-roll tal-irċevuta tal-VAT u mbagħad sibtu eventwalment meta ġew l-ispetturi.”

Il-Qorti nnutat li Urry kien ġie identifikat mix-xhieda u kien ammetta li wettaq ir-reat, meta qal lill-Qorti li ma setax isib ir-roll tal-karti u li ma kienx ħareġ irċevuta manwalment. Waqt li ddikjaratu ħati ta’ reati kontra l-Att tal-VAT, il-Qorti imponiet fuq Urry multa ta’ €3,000.