Lokali Saħħa

IS-SERQA TAL-ISPTARIJIET: “Hu biss permezz ta’ bidla fil-Gvern li nistgħu nġibu flusna lura” – Bernard Grech

“La l-Gvern ma jridx jiftaħ kawża u la Robert Abela ma jridx jagħti struzzjonijiet lill-Avukat tal-Istat, allura jrid ikun Gvern ġdid Nazzjonalista li jġib lura l-miljuni misruqa mid-deal tal-isptarijiet”.

Dan qalu l-Kap tal-PN Bernard Grech waqt konferenza tal-aħbarijiet li ġiet indirizzata minnu wara li laqqa’ l-Grupp Parlamentari Nazzjonalista.

Bernard Grech fakkar li Robert Abela lanqas biss irid li jinbdew proċeduri biex jinġiebu l-flus lura.

“Għalhekk, hija responsabbiltà tagħna li jkun hemm Gvern ġdid li lest jiġġieled għall-poplu biex jinġiebu lura l-flus misruqa”, stqarr il-Kap tal-PN.

Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet, id-deputat Adrian Delia fakkar fil-ħidma kbira li twettqet mill-PN biex inkixfet din il-frodi; serqa b’kollużjoni bejn il-Gvern u l-barranin ta’ Vitals/Steward.

Adrian Delia giddeb ukoll lill-Prim Ministru, meta stqarr li mhux vera li d-deċiżjoni tal-Appell teskludi lilu. Dan meta l-Qorti tal-Appell ikkundannat lil Robert Abela għas-serqa tal-isptarijiet.

“Il-verità hi li l-Prim Ministru għadu ostaġġ ta’ patt li għamel”, iddikjara x-Shadow Minister tas-Saħħa.

L-Istqarrija tal-Partit Nazzjonalista

Illum il-Qorti tefgħet ir-responsabbiltà biex jinġiebu l-€400 miljun fuq il-Prim Ministru u ddikjarat li hu biss jista’ jibda proċeduri biex jinġiebu l-flus li nsterqu minn ħalq il-poplu Malti u Għawdxi jew jawtorizza dawn il-proċeduri. Għalhekk, l-uniku mod kif l-€400 miljun ikunu għand il-poplu hu li jkun hemm bidla fil-Gvern.

Dan kien il-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech matul konferenza tal-aħbarijiet li indirizza, akkumpanjat mix-Shadow Minister għas-Saħħa Adrian Delia, fejn fakkar kif sfortunatament, Robert Abela għadu sal-lum jirrifjuta li jiftaħ dawn il-proċeduri, filwaqt li għadu jiddefendi lil dawk li serquna u frodawna.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar kif, wara li rrifjuta li jiftaħ proċeduri biex iġib lura l-flus li l-Gvern Laburista ta lil Steward u Vitals, fil-Qorti Robert Abela pprova jwaqqaf milli l-Avukat tal-Istat ikun imġiegħel jiftaħ il-proċeduri.

Hu tenna li ladarba l-Qorti qalet li l-Avukat tal-Istat ma jistax jaġixxi jekk mhux bil-permess tal-Gvern, u la Robert Abela ma jridx jagħti permess lill-Avukat tal-Istat biex jaġixxi, l-uniku mod li nġibu flusna lura hu billi jinbidel il-Gvern.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li ladarba Robert Abela qed jibqa’ jinsisti li jabdika mir-responsabbiltà tiegħu, mil-lum ‘il quddiem il-Partit Nazzjonalista se jżid il-ħidma tiegħu biex jassigura li jkun hawn Gvern ġdid li lest jiġġieled għall-poplu Malti u Għawdxi u jġib flusna lura.

Min-naħa tiegħu, Adrian Delia qal li kull ġurnata li tgħaddi li fiha Robert Abela ma jiħux il-passi meħtieġa hi ġurnata mitlufa għal pajjiżna. Tenna li jekk Robert Abela se jibqa’ jinsisti li pajjiżna ma jġibx lura l-€400 miljun li l-Gvern Laburista ta lil Vitals u Steward, almenu għandu jispjega għaliex.

Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll il-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista.