Internazzjonali

Is-Summit tan-NATO: Iċ-Ċina tirribatti l-akkużi li qed tkun ‘sostenitur’ tal-gwerra fl-Ukrajna

Iċ-Ċina qed tiċħad b’mod kategoriku l-akkużi tan-NATO li qed tgħin direttament lir-Russja biex tibqa’ għaddejja bil-gwerra fl-Ukrajna li ilha minn Frar tal-2022.

Dan meta l-Mexxejja tan-NATO qed jikkonkludu l-aktar summit sinifikanti għal snin u li kien organizzat għal dawn il-jumejn f’Washington. Summit fejn huma, fost oħrajn, iddiskutew il-konflitti li għaddejjin bħalissa fl-Ukrajna u f’Gaza, flimkien mal-kriżi tas-sigurtà fuq livell globali.

Intant, it-Tmexxija f’Beijing appellat biex in-NATO ‘ma tkomplix tesaġera l-allegata theddida taċ-Ċina għall-paċi’ u biex l-Istati-membri jirriflettu tassew fuq ‘il-vera tal-kawża tal-gwerra fl-Ukrajna’.

Fl-istess ħin, iċ-Ċina bl-ebda mod mhi taċċetta l-akkużi (tan-NATO) li l-appoġġ tagħha lir-Russja kien deċiżiv għall-Kremlin biex jippersisti bl-invażjoni tal-ibliet Ukreni. Dan meta l-pajjiżi tan-NATO qed jirreferu għall-fatt li ċ-Ċina serviet bħala sostenitur sinifikanti għall-bażi industrijali tad-difiża tal-Kremlin.

Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin f’Beijing issa ħeġġeġ biex in-NATO tirrifletti fuq is-sitwazzjoni tal-gwerra filwaqt li taħdem fuq l-istrateġiji li jistgħu jwaqqfu l-ġlied aktar milli ‘toqgħod twaħħal f’dak u fl-ieħor’.

Madankollu, is-summit f’Washington, fl-aħħar sigħat, ikkonċentra aktar fuqi ir-rwol – dirett u indirett – taċ-Ċina fil-gwerra tal-Ukrajna u meta l-Mexxejja tan-NATO ddiskutew dan ir-rwol flimkien mal-Mexxejja ta’ diversi pajjiżi fir-reġjun tal-Asja u l-Paċifiku.

Dan meta l-invażjoni tal-Ukrajna baqgħet bħala l-aktar punt diskuss fuq l-aġenda tas-summit u fejn il-membri tan-NATO kollha qablu li r-‘Russja tibqa’ l-aktar theddida diretta u sinifikanti’ għas-sigurtà.

Fl-istess ħin, il-pajjiżi tan-NATO wiegħdu l-appoġġ lill-Ukrajna biex tissieħeb fl-Alleanza tal-Punent filwaqt li qalu li l-pass tal-Ukreni lejn sħubija hi rriversibbli.

U għalkemm ma qablux dwar ‘timeline’ formali rigward is-sħubija, it-32 pajjiż membru tan-NATO huma ‘magħqudin fl-appoġġ għad-difiża tal-Ukrajna kontra l-aggressjoni tar-Russja’.

Dawn il-pajjiżi, waqt is-summit, impenjaw aktar għajnuna lill-Ukrajna u li tinkludi ajruplani tal-gwerra u sistemi ta’ difiża għal kontra l-attakki mill-ajru. Min-naħa tiegħu, is-Segretarju-Ġenerali tan-NATO, Jens Stoltenberg, qal li ‘l-appoġġ tal-Alleanza lill-Ukrajna m’għandux jitqies bħala forma ta’ karità iżda investiment fis-sigurtà tal-pajjiżi-membri (tan-NATO).’