Kunsilli Lokali Lokali

Jintlaħaq ftehim dwar ħatra ta’ Sindku u Viċi Sindku tal-Floriana

Intlaħaq qbil li se jkun qed jiġi implimentat il-Programm Elettorali li ppreżenta l-Partit Nazzjonalista għall-Kunsill Lokali tal-Floriana

Wara li l-Partit Laburista falla milli jibni maġġoranza fil-Kunsill Lokali tal-Floriana, kif kien id-dmir tiegħu bħala l-partit li kellu maġġoranza relattiva, minkejja aktar minn xahar wara l-elezzjoni, il-Kunsillieri eletti f’isem il-Partit Nazzjonalista u dak Indipendenti qablu li għall-ġid tal-lokalità u biex il-Kunsill ikun jista’ jiffunzjona, għandu jinħatar Nigel Holland bħala Sindku u James Aaron Ellul bħala Viċi Sindku għall-ħames snin li ġejjin.

Interessanti l-fatt li meta sar il-vot għall-Viċi Sindku, anke l-kunsillier tal-Labour Justin Haber ivvota favur il-kunsillier Nazzjonalista James Aaron Ellul.

Il-Kunsillieri Lokali qablu wkoll li se jkun qed jiġi implimentat il-Programm Elettorali li ppreżenta l-Partit Nazzjonalista għall-Kunsill Lokali tal-Floriana, filwaqt li se jaraw li kull proposta oħra li saret matul il-kampanja elettorali tkun ikkunsidrata għall-ġid tal-lokalità.

Il-Partit Nazzjonalista jawgura lill-Kunsill Lokali tal-Floriana fil-ħidma tiegħu b’risq il-komunità.