Lokali

L-ISTESS KLIEM TAL-KAMPANJA ELETTORALI: Robert Abela jibqa’ jattakka b’mod partiġjan

Jitkellem biss fuq l-Oppożizzjoni, u ma jgħid xejn dwar kif se jġib lura l-flus misruqa

Il-Prim Ministru Robert Abela esprima ruħu frustrat għall-fatt li l-Kap tal-PN Bernard Grech qed jagħmel minn kollox biex iġib lura l-€400 miljun misruqa minn Vitals/Steward. B’Abela jgħid li dan kollu huwa “theddid u intimidazzjoni”.

Dan qalu Robert Abela nnifsu meta sejjaħ lill-ġurnalisti f’Kastilja wara li l-Qorti llum iddeċidiet li l-Avukat tal-Istat jaġixxi biss fuq struzzjonijiet tal-Prim Ministru. U għalhekk, irid ikun il-Prim Ministru li jieħu azzjoni biex iġib lura l-miljuni kbar misruqa mid-deal frawdolenti tal-isptarijiet.

Abela wasal sal-punt li qal li hu mexa “b’korrettezza” fil-kwistjoni tal-Vitals. Dan meta kien hu stess li żied il-Budget, sena wara l-oħra, lil din il-kumpanija.

Mal-midja, il-Prim Ministru reġa’ rrefera għall-arbitraġġ – meta dan il-proċess infetaħ minn Steward, u mhux minnu. Robert Abela mkien ma jiddikjara b’mod dirett li hu lest jiftaħ kawża kontra dawn il-barranin li wettqu “frodi” minn fuq dahar il-poplu Malti u Għawdxi.