Il-grupp Ħamas tal-militanti Palestinjani wissa li l-kunflitt li għaddej fil-Belt ta’ Gaza kapaċi jostakola bil-kbir in-negozjati għal waqfien mill-ġlied ma’ Iżrael.
Dan meta l-militar Iżraeljan wissa lir-residenti kollha fil-Belt ta’ Gaza biex jitilqu minn hemmhekk u jmorru lejn iz-zoni l-aktar ċentrali ta’ Gaza.
L-Armata ta’ Iżrael, fl-aħħar sigħat, intensifikat il-movimenti tas-suldati u t-tankijiet tal-gwerra fl-artijiet inkwistjoni u meta l-Belt ta’ Gaza, issa, hi dikjarata bħala zona għall-kumbattimenti. L-Iżraeljani qalu wkoll li fasslu r-rotot tas-sigurtà għall-familji biex jitilqu mill-Belt ta’ Gaza mingħajr is-sogru li huma jispiċċaw fl-eqqel tal-ġlied bejn is-suldati u t-terroristi tal-Ħamas.
In-Nazzjonijiet Uniti qalet, intant, li hi mħassba ħafna dwar id-direttivi għall-evakwazzjonijiet mill-Belt ta’ Gaza. Dan meta l-qawwiet Iżraeljani, issa, daħlu mill-ġdid f’numru ta’ distretti fejn il-Ħamas u l-ġellieda alleati mal-grupp Palestinjan Ġiħad Iżlamiku rnexxielhom jorganizzaw ruħhom mill-ġdid tul l-aħħar ġimgħat.
//= $special ?>