Għall-ewwel darba fl-istorja tal-bowling lokali, il-plejer Maltija Tiziana Carannante hija c-Champion tal-Italja wara li rebħet il-Kampjonat tal-Bowling Taljan.
Wara s-suċċess li kisbet f’kompetizzjonijiet reġjonali fejn dejjem kienet fost ir-rebbieħa, b’sistema ta’ ranking irnexxielha tikkwalifika u kellha l-opportunita’ li flimkien ma’ 23 bowler mara tikkompeti fil-Kategorija A u eventwalment fil-kampjonat nazzjonali tal-Italja.
Fl-ewwel ġurnata kull waħda mit-23 parteċipant lagħbet sitt partiti biex eventwalment ikunu magħrufa l-ewwel sittax. Tiziana Carannante temmet fit-12-il-post sabiex ikkwalifikat għat-tieni fażi fuq sistema ta’ knock out bl-aħjar fuq żewġ partiti.
Fl-ewwel partita kontra Roberta D’Elia li kienet fil-ħames post, Carannante rebħet iż-żewġ partiti bi skor totali ta’47 pin. Fir-rawnd ta’ wara bi 17-il pin rebħet kontra Eva Lemestra. Fit-tielet partita kontra Monica di Paolantonio rebħet iż-żewġ partiti b’total ta’ 28 pin sabiex għaddiet għall-finali.
Fil-finali kontra Elisa Primavera li kienet seed nr. 2 fil-kompetizzjoni, Tiziana Carannante kompliet bis-serje pożittiva meta rebħet bi skor totali ta’ 21 pin sabiex kienet dikjarata bħala rebbieħa tal-Kampjonat Nazzjonali tal-Italja.
//= $special ?>