Lokali Qorti

Miċħuda t-talba biex l-Avukat tal-Istat jirkupra l-€400 miljun iffrodati mill-ftehim tal-isptarijiet

Il-Qorti ċaħdet it-talba li l-Avukat tal-Istat jirkupra l-fondi ffrodati fil-ftehim tal-isptarijiet li llum spiċċaw fl-interess pubbliku. Dan wara li l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech u d-Deputat tal-PN Adrian Delia ressqu kawża fil-Qorti fejn talbu lill-Avukat tal-Istat biex jirkupra fondi li ġew iffrodati permezz tal-ftehim.

Il-PN dejjem sostna li, wara li l-Qrati kienu ddikjaraw il-ftehim frawdolenti, l-Avukat tal-Istat kien fid-dmir li jieħu azzjoni biex jirkupra l-fondi minn jeddu, mingħajr ma jistenna direzzjoni mill-gvern. Il-Qorti, ippreseduta mill-Imħallef Toni Abela, warrbet it-talbiet kollha tal-Oppożizzjoni fil-każ.

Il-kawża kienet infetħet fil-bidu tas-sena wara li l-Qorti tal-Appell ikkonfermat l-annullament tal-ftehim tat-tliet sptarijiet ta’ Steward Healthcare li sewa lill-poplu Malti u Għawdxi serqa ta’ €400 miljun mit-taxxi tiegħu.

Dan hekk kif l-Imħallef Abela kkwota diversi legaliżmi użati f’pajjiżi li kienu kolonji tar-Renju Unit li kollha jħaddmu sistemi differenti fejn jidħol l-Avukat tal-Istat. Il-Qorti, filwaqt li kkonfermat dak kollu li ħareġ mis-sentenzi tal-Imħallef Francesco Depasquale u mill-Qorti tal-Appell dwar kollużjoni min-naħa ta’ Vitals u Steward Healthcare, min kellu dmir iħares l-interessi tal-pajjiż ħares lejn interessi oħra.

Ġie rikonoxxut ukoll il-fatt li sal-lum għadhom ma ttieħdu l-ebda passi biex jiġu rkuprati l-flus. L-Imħallef Abela qal li l-Avukat tal-Istat għandu jaġixxi fuq inzijattiva tiegħu iżda b’daqshekk ma jfissirx li jista’ jgħaddi minn fuq kulħadd.

Tenna li l-kostituzzjoni ta’ Malta ssemmi dan kollu wkoll. “Dak li qed jintalab mhux li l-Qorti tissindika, imma li taġixxi, din hi mpossibbli għax ħadd ma jista’ jordna u jagħti direttiva lill-Avukat tal-Istat. Jekk tagħmel il-Qorti tkun qed tikser il-kostituzzjoni,” qalet l-Imħallef Abela.

Qal ukoll li huwa minnu li l-Qorti tal-Appell qalet li kellu jkun l-istat li jibda l-proċeduri imma fl-ebda ħin ma hemm xi ħaġa ppontata lejn l-Avukat tal-Istat. Hu jissemma darba waħda biss fis-sentenza u mhux f’dan il-kuntest.

L-Imħallef Abela qara s-sentenza f’awla mimlija nies. Fl-awla kien hemm preżenti l-Kap tal-Oppożizjoni Bernard Grech u x-Shadow Minister għas-Saħħa d-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia. Preżenti wkoll kien hemm il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard.

Il-Qorti ddikjarat li għalkemm id-dibattiti parlamentari rreferew għall-Avukat tal-Istat bħala “l-onus kien kollu fuqu”, dan ma jfissirx li hu kien marbut legalment li jaġixxi fuq inizjattiva tiegħu stess. Kieku hekk, “konna noqorbu lejn territorju perikoluż”. Dik l-azzjoni timmina d-demokrazija u l-istat tad-dritt peress li “kull bniedem huwa suxxettibbli għal xi aġenda moħbija”, qal.

Fil-każ tagħha, l-Oppożizzjoni sostniet li l-Avukat tal-Istat kellu jaġixxi biex jannulla l-ftehim frawdolenti u sussegwentement jirkupra l-fondi. Bħala gwardjan tal-interess pubbliku, l-Avukat tal-Istat kellu jaġixxi, huma sostnew.

Iżda l-Avukat tal-Istat irribatta li kellu jaġixxi biss meta l-liġi ssejjaħlu biex jagħmel dan, qal l-Imħallef Abela fis-sentenza tiegħu. Il-Qorti qalet li għamlet analiżi fil-fond tal-uffiċċju kostituzzjonali tal-Avukat tal-Istat Malti, u qabbilha ma’ diversi ġurisdizzjonijiet barranin.

Il-mistoqsija fundamentali kienet jekk l-Avukat tal-Istat kellux id-dover li jaġixxi fuq inizjattiva tiegħu stess. Min kellu jiddefendi l-istat meta uffiċjali pubbliċi stess aġixxew kontra l-interessi tal-istat? Meta tqies kollox, il-Qorti osservat li l-Avukat tal-Istat ma deherx li kellu carte blanche biex jaġixxi fuq l-inizjattiva tiegħu.

Filwaqt li l-professur tal-liġi Kevin Aquilina kien tal-fehma li l-Avukat tal-Istat ma kienx sottomess għall-Gvern jew għal xi awtorità oħra, iżda biss għall-Kostituzzjoni, il-liġijiet ta’ Malta u l-kuxjenza tiegħu, l-Eks Avukat Ġenerali u Imħallef tal-Qorti tal-Ġustizzja Anthony Borg Barthet jemmen li jekk l-Avukat tal-Istat ingħata l-fakultà li jaġixxi, kif qies li “se nkunu qed indawru d-demokrazija fuq rasha”.

Il-Qorti argumentat li ħadd li għandu kariga pubblika ma kien ħieles mid-diskrezzjoni ġudizzjarja, u b’hekk jiżgura li d-dmirijiet tal-kariga jitwettqu skont il-liġi. L-Avukat tal-Istat – bħala uffiċċju awtonomu u indipendenti – kien regolat mill-Kostituzzjoni biss, u kien hemm każijiet speċifiċi meta liġijiet partikolari taw lill-Avukat tal-Istat is-setgħa li jaġixxi.

It-talba tal-Oppożizzjoni biex il-Qorti tordna lill-Avukat tal-Istat jaġixxi kienet “impossibbli”. “Ħadd, inkluża din il-Qorti, ma jista’ joħroġ ordnijiet lill-Avukat tal-Istat. Kieku kellha tagħmel hekk il-Qorti stess tkun qed tikser il-Kostituzzjoni.”

Il-Qorti żiedet tgħid li għalkemm Qorti tal-appell is-sena l-oħra kienet iddeċidiet li kienet l-Oppożizzjoni li aġixxiet biex tissalvagwardja l-interessi nazzjonali, fl-ebda ħin ma ppuntat subgħajha lejn l-Avukat tal-Istat. Xejn ma ntqal f’dan is-sens fid-dispożittiv ta’ dik is-sentenza u dik kienet il-parti vinkolanti, kompla l-Imħallef Abela.

L-avukati Edward Debono u Nicholas Debono assistew lil Bernard Grech u Adrian Delia. L-Avukat tal-Istat Chris Soler, flimkien mal-avukati James D’Agostino u Julian Farrugia, irrappreżentaw lill-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat, filwaqt li l-avukati Ian Borg, Maurizio Cordina u Chris Cilia rrappreżentaw lill-Gvern ta’ Malta u lill-Kabinett tal-Ministri.