Lokali

“Robert Abela għandu jieqaf jindaħal lill-Qrati”

– L-Għaqda Repubblika

Ir-rimarki li għamel Robert Abela lbieraħ, dwar il-possibiltà li l-Eks Deputat Prim Ministru Chris Fearne jitqiegħed taħt att t’akkuża, huma tentattiv ta’ intimidazzjoni fuq il-maġistrat li jrid jieħu dik id-deċiżjoni.

Robert Abela qal li jekk Chris Fearne ma jitqigħedx taħt att t’akkuża, jibagħtu Kummissarju tal-Unjoni Ewropea. Dan mhu xejn ħlief messaġġ lill-maġistrat li jekk Chris Fearne ma jintbagħatx biex isir Kummissarju, il-Prim Ministru se jwaħħal fil-maġistrat.

Fi stqarrija, l-għaqda Repubblika qalet li ebda deċiżjoni tal-Qorti m’għandha tkun kundizzjonata mill-bżonnijiet politiċi tal-gvern. Il-liġi hi l-istess għal kulħadd, anke għall-kandidati għall-Kummissjoni Ewropea. Normalment, ebda prim ministru ma jagħmel kummenti pubbliċi jesprimi t-tama li l-persuni akkużati mill-prosekutur jew mill-pulizija jeħilsuha ħafif. Imma saret din l-eċċezzjoni perikoluża għal Chris Fearne.

Xahar ilu Robert Abela intimida ‘l-maġistrat inkwerenti fil-każ tal-Vitals għax hekk kellu bżonn jagħmel minħabba l-elezzjoni. Issa qed jintimida lil maġistrat ieħor li qed jisma’ l-kumpilazzjoni tal-provi għax Robert Abela hekk għandu bżonn jagħmel għax altrimenti ma jafx lil min se jibgħat Kummissarju Ewropew.

Repubblika qalet li dan hu oltraġġ ripetut tal-indipendenza tal-ġudikatura, indħil u intimidazzjoni tal-gvern fuq il-maġistrati.

Osservat ukoll kemm tbaxxa u waqa’ l-istandard ta’ kwalità għall-għażla ta’ Kummissarji Ewropej. Wasalna fl-estrem li tista’ tiġi indagat kriminalment, akkużat b’reati serji mill-prosekuzzjoni, tinstab politikament responsabbli għall-akbar skandlu ta’ korruzzjoni fl-istorja ta’ pajjiż, tinstab responsabbli minn inkjesta pubblika li ħallejt il-korrotti jgawdu impunità sal-punt li nqatlet ġurnalista, iżda dan kollu ma jxekklekx milli tiġi nominat għal wieħed mill-aktar pożizzjonijiet importanti fil-governanza tal-Ewropa.

Kummissarju Ewropew għandu jkollu lealtà lejn is-sewwa u l-governanza tajba li tkun ipprovata ferm aħjar milli sempliċiment ma taqax taħt att ta’ akkuża għal korruzzjoni, arrikkiment illeċitu, u miżapproprjazzjoni.

Pajjiżna, saħqet Repubblika, għandu jagħżel l-aħjar persuna għall-pożizzjonijiet li jrid jimla’, mhux il-persuna l-aktar politikament konvenjenti għall-prim ministru.