Ekonomija Lokali

Skomdi jitkellmu dwar il-każ tal-Kummissarju tal-Films

Min jagħżel li ma jweġibx, min jibqa’ dieħel u jinjora lill-ġurnalisti, u min jgħid li hemm bżonn li nsiru nafu kemm l-industrija tal-films qed tħalli flus fl-ekonomija Maltija. Xi ħaġa li s’issa għadna ma nafux.

Dawn kienu r-reazzjonijiet ta’ wħud mid-Deputati Laburisti għall-fatt li Johann Grech nefaq kważi nofs miljun ewro fuq filmat ta’ 10 minuti li fih saħansitra deher l-istess Grech jirreċta mal-komiku David Walliams – flus li ntefqu minn but il-poplu Malti u Għawdxi.

U minkejja li dawn l-istejjer dwar Johann Grech tefgħu aktar pressjoni fuq il-Gvern ta’ Robert Abela, huwa evidenti li l-ebda Deputat Laburista ma ħass li l-Kummissarju tal-Films għandu jirriżenja. B’nies fl-industrija lokali jinsistu li l-Gvern ħalla s-settur għal riħu – u li Grech jinteressah biss mill-barranin li jiġu Malta biex jagħmlu l-produzzjonijiet il-kbar.