Lokali

Azzopardi Tanti jibqa’ jiddefendi lill-Kummissarju tal-Films Johann Grech

Il-Membru tal-Kabinett ta’ Robert Abela, Keith Azzopardi Tanti, deher skomdu immens iwieġeb dwar il-Kummissarju tal-Films Johann Grech.

Wara li fl-aħħar jiem ħareġ fid-deher li Grech kompla jisparpalja flus il-poplu – Net News staqsa lis-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti jekk din l-imġiba min-naħa ta’ Grech hix waħda tajba; anke fid-dawl tal-fatt li hawn ħafna artisti lokali, inkluż żgħażagħ, li ma jsibux fondi biżżejjed li jistgħu jibbenefikaw minnhom bil-għan li jkomplu jsostnu t-talent tagħhom.

Iżda skont Azzopardi Tanti, minħabba li hu ġej mill-kamp finanzjarju, insista li jrid jara jekk dak li jagħmel Johann Grech hux value for money.

Id-Deputat Laburista prova jaħrab mill-mikrofonu ta’ Net News meta komplejna nistaqsuh dwar Johann Grech – li diversi persuni midħla fis-settur fl-aħħar xhur u ġimgħat ikkritikawh bil-qawwa.

Mistoqsi jekk jaħsibx li l-pożizzjoni tiegħu għadha tenibbli, Azzopardi Tanti tenna li jrid jara jekk l-infiq ta’ Grech iġibx xi tip ta’ introjtu serju.

Tul dawn l-aħħar snin kemm ilu jokkuppa l-pożizzjoni ta’ Kummissarju tal-Films sa minn żmien l-amministrazzjoni ta’ Joseph Muscat, Johann Grech kien sinonimu ma’ tberbiq meqjus bħala wieħed esaġerat – fost l-oħrajn vjaġġi barra minn Malta li f’temp ta’ sentejn ġew jiswew lill-kaxxa ta’ Malta €600,000 – żewġ festivals li ġew jiswew ftit inqas minn €8 miljun, u short film ta’ 10 minuti li allegatament ġie jiswa nofs miljun ewro oħra.

Dan fost kritika qawwija ġejja kemm mill-industrija lokali kif ukoll minn nies li ħadmu mill-qrib ma’ Johann Grech.