Lokali

Beatrice Njoya tirbaħ Miss Universe Malta 2024

Beatrice Njoya, ta’ 39 sena minn San Pawl il-Baħar, rebħet il-Miss Universe Malta 2024.

Din is-sena mmarkat id-9 edizzjoni tal-avveniment prestiġjuż Miss Universe Malta, li huwa organizzat u mmexxi minn Alan J. Darmanin u xxandar dirett fuq TVM u fuq l-istazzjon internazzjonali Miss Universe YouTube.

Hija ħafna aktar minn kompetizzjoni hekk kif 25 mara bdew vjaġġ li fih tgħallmu aktar dwarhom infushom, kellhom taħriġ speċjali fuq catwalk, iżda l-aktar importanti żviluppaw il-personalitajiet u l-ħiliet tagħhom biex jitkellmu fil-pubbliku u kellhom ukoll diversi attivitajiet, photoshoots, intervisti u aktar.

Ir-rebbieħa ta’ Miss Universe Malta 2024 hija Beatrice Njoya minn San Pawl il-Baħar. Hija għandha 39 sena, omm ta’ tlett itfal u taħdem bħala Player Risk Analyst. L-ewwel runner-up kienet Janei Desira miż-Żejtun, segwita minn Julieth Vasco mill-Floriana li tpoġġiet bħala t-tieni runner-up.

Beatrice rebħet id-dritt li tirrappreżenta lil Malta fit-73 kompetizzjoni ta’ Miss Universe li se ssir f’Novembru li ġej, fil-Messiku. Din is-sena timmarka numru rekord ta’ pajjiżi li qed jikkompetu internazzjonalment b’aktar minn 100 pajjiż differenti. Din is-sena Miss Universe ħabbret it-tneħħija tal-limitu tal-età u għall-ewwel darba setgħu jieħdu sehem ukoll nisa li għandhom aktar minn 29 sena. Din l-aħbar waslet wara li s-sena l-oħra bdew ukoll iħallu nisa miżżewġin u nisa bit-tfal jirrappreżentaw lil pajjiżhom.

Fil-Messiku hija se jkollha l-opportunità li tippromwovi lil pajjiżna globalment lil udjenza ta’ aktar minn nofs biljun ruħ u jarawha f’aktar minn 120 pajjiż differenti.