Sport

Debutt impressjonanti għall-jott Artie III f’Aegean 600

Artie III, il-jott ta’ Lee Satariano, għamel debutt impressjonanti fl-Aegean 600.  Huma spiċċaw it-tellieqa ta’ 600 mil nawtiku f’jumejn, 19-il siegħa u 58 sekonda.

Minkejja li tilfu l-ORC Trophy għal ftit sekondi, xorta l-ekwipaġġ ta’ Artie III kisbu riżultat notevoli.  Huma spiċċaw l-ewwel fil-klassi tagħhom IRC  Class Two u kisbu t-tieni post kemm fil-Klassi Overall tal-IRC kif ukoll tal-ORC. Huma ħadu wkoll it-tieni fl-ORC Class One

Artie III kienet l-ewwel dgħajsa Maltija li kkompetiet f’din it-tiġrija ta’ 600 mil nawtiku li rat il-bidu u t-tmiem viċin tat -Tempju antik ta’ Poseidon, f’Cape Sounion. Ir-rotta tgħaddi minn 23 gżira xeniċi fil-Baħar Eġew.  L-irjieħ Meltemi, li jvarjaw ħafna minn 0 sa 40 mil nawtiku fis-siegħa – skont liema parti tal-korsa wieħed jkun fiha – jagħmlu t-tellieqa intrinsikament ta’ sfida.

Qabel it-tluq tagħhom Satariano, li għandu snin t’esperjenża fi tlielaq offshore fil-Mediterran, antiċipa tellieqa li kienet ser tkun milquta mill-Meltemi, ir-riħ qawwi karatteristika tal-Eġew matul il-perjodu tat-tiġrija. It-temp laħaq l-aspettattivi, u ġiegħlet lill-ekwipaġġ ta’ Artie III iħabbat wiċċu ma’ kundizzjonijiet bla waqfien, li kienu jeħtieġu sistema ta’ għassa effiċjenti u kienu jeħtieġu li l-ekwipaġġ ikun kontinwament attiv għall-biċċa l-kbira tat-tellieqa.

Satariano spjega li kundizzjonijiet bħal dawn – partikolarment meta wieħed jipprova jimmanuvra dgħajsa f’buffuri ta’ riħ li jilħqu madwar 45 mil nawtiku fis-siegħa, hija meħtieġa azzjoni immedjata.  L-edizzjoni ta’ din is-sena rat riħ mill-aktar qawwi, li ħoloq numru ta’ sitwazzjonijiet li kienu ta’ sfida kbira għall-ekwipaġġ ta’ Artie III.

Wieħed mill-aktar mumenti kritiċi seħħ meta Artie III weħel f’zona bi ftit li xejn riħ u kurrenti qawwija. Din is-sitwazzjoni li kienet qrib l-art, spjega Satariano, potenzjalment swiet lil Artie III ir-rebħa ġenerali tal-Klassi ORC. Minkejja dan id-dewmien, Satariano irrimarka bil-mod pożittiv, li sfidi bħal dawn huma sempliċement parti min-natura tal-ibburdjar.

Minkejja dan, Satariano esprima s-sodisfazzjon tiegħu għar-riżultat finali, fejn irrimarka li l-kundizzjonijiet esperjenzati fl-Eġew kienu ideali għad-dgħajsa. L-ekwipaġġ ilu jagħmel taħriġ regolari u din kellha rwol kruċjali fil-prestazzjoni tagħhom.  Kompla jispjega li din it-tellieqa pprovdiet lezzjonijiet siewja għalihom.  L-immaniġġjar ta’ kundizzjonijiet ta’ sfida bħal dawn bla dubju se jkun ta’ benefiċċju għalihom fit-tiġrijiet futuri, partikolarment ir-Rolex Middle Sea Race li ġejja, li se tara l-istess ekwipaġġ itellaq flimkien għal darb’oħra.

L-ekwipaġġ ta’ Artie III għall-Aegean 600 kien magħmul minn Lee Satariano u Christian Ripard (Ko-kaptani), Justin Busuttil, Nicky Fenech, Tim Davis, Simon De Gendt, Koen De Smedt, Jake Satariano u Toon Van Caneghem.