Lokali

Gafà jikkonferma li bbaża biss fuq l-Inkjesta Maġisterjali

Il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà tana konferma – jekk qatt kien hemm bżonn – li hu naqas milli jinvestiga d-deal frawdolenti tal-Vitals, tant li serraħ u bbaża biss fuq dak li ħareġ mill-Inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella.

Dan ikkonfermah Gafà stess ma’ Net News f’Jum il-Pulizija meta ġie mistoqsi x’kienet ir-raġuni għalfejn ma kinitx fuq inizjattiva tiegħu li tressqu l-Qorti l-persuni implikati f’din is-serqa tal-isptarijiet.

Fl-aħħar ġimgħat, fil-Qorti, kien konfermat mill-Ispettur Wayne Rodney Borg, li l-Pulizija qatt ma investigat l-iskandlu tal-isptarijiet. U minflok, il-Kummissarju serraħ biss fuq l-Inkjesta Maġisterjali.

Diversi esperti, fl-aħħar xhur, insistew għal aktar minn darba li xejn ma kien iwaqqaf lill-Kummissarju milli jagħti ordni lill-Pulizija biex jinvestigaw il-każ u tal-inqas jinterrogaw il-persuni implikati f’dan id-deal.

Tajjeb wieħed ifakkar ukoll li wara żewġ sentenzi tal-Qorti li sabu li dan id-deal kien wieħed frawdolenti, il-Kummissarju tal-Pulizija ma għamel assolutament xejn.

Dan apparti l-fatt li Gafà dejjem evita d-domandi li sarulu mill-ġurnalisti, inkluż ta’ Net News, li kemm-il darba bagħtna sensiela ta’ domandi permezz ta’ e-mails.