Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jawgura u jirringrazzja lill-uffiċjali f’Jum il-Pulizija – PN

F’Jum il-Pulizija, il-Partit Nazzjonalista jixtieq iwassal l-awguri u rringrazzjament tiegħu lill-uffiċjali fi ħdan il-Korp tal-Pulizija għas-servizz li jagħtu lill-pajjiżna ta’ kuljum. Dan intqal fi stqarrijja maħruga mil-Partit Nazzjonalista mmexxijja mix-Shadow Minister għall-Intern, is-Sigurtà u r-Riformi, Darren Carabott.

Dan huwa jum li fih nirikonoxxu u nfakkru l-impenn, id-dedikazzjoni u l-kuraġġ li l-uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija tagħna jwettqu ta’ kuljum sabiex iservu lill-pajjiżna u jħarsu l-ordni pubblika. Grazzi wkoll tmur lill-familji tal-uffiċjali tagħna, li jissagrifikaw u jgħaddu minn ħafna biex il-familji ta’ pajjiżna jkunu siguri.

Ukoll, huwa mument fejn inħarsu lura u niftakru f’dawk il-persuni li weġġgħu jew saħansitra tilfu ħajjithom, biex jaqdu dmirijiethom.

Dan ir-ringrazzjament qed jasal fi żminijiet fejn hemm bżonn li nuru l-apprezzament tagħna lill-uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija ta’ rieda tajba u li jridu jaħdmu mingħajr biża’ jew favur. Il-Partit Nazzjonalista jirringrazzjahom b’mod partikolari minħabba l-fatt li minkejja l-isfidi interni li qed jaffaċċjaw f’dawn iż-żminijiet fil-Korp, xorta jwettqu s-servizz tagħhom.

Parti minn dan l-impenn tagħna għall-Korp tal-Pulizija bħala Partit Nazzjonalista ħabbarnieh din il-ġimgħa, fejn ippreżentajna Abbozz ta’ Liġi fil-Parlament ta’ Malta li jrid jagħti indipendenza u awtonomija lit-tmexxija tal-Korp tal-Pulizija: billi l-Kummissarju tal-Pulizija jinħatar mill-President tar-Repubblika ta’ Malta wara vot favur ta’ 2/3 mill-Parlament ta’ Malta.

B’hekk nassiguraw fil-Kostituzzjoni tagħna li l-Korp tal-Pulizija jkollu tmexxija indipendenti, kif jixraq lill-uffiċjali li jservu fih u kif jixraq lill-pajjiżna.