Ir-relazzjonijiet bejn l-Alleanza tan-NATO u ċ-Ċina għaddejjin mill-akbar kriżi wara li l-Kapijiet tal-Istati-membri (tan-NATO) kkonkludew is-summit ta’ jumejn f’Washington b’dikjarazzjoni li turi lill-Gvern ta’ Beijing fl-agħar dawl possibbli u bħala ‘kompliċi fil-gwerra li qed tmexxi r-Russja fl-artijiet Ukreni.’
Il-Mexxejja tan-NATO, fid-dikjarazzjoni, akkużaw liċ-Ċina bħala ‘forċina’ tar-Russja kif ukoll bħala element deċiżiv biex il-qawwiet ta’ Vladimir Putin jippersistu bir-ritmu qawwi tal-kunflitt fl-Ukrajna. Intant, akkuża prinċipali hi li ċ-Ċina qed tappoġġja bis-sħiħ il-bażi industrijali tar-Russja li qed tipproduċi l-materjal għall-gwerra minn jum għal jum.
Il-kummenti tan-NATO qed jitqiesu fost l-aktar kummenti ħorox fir-rigward taċ-Ċina għaż-żmien kollu li ilha teżisti l-Alleanza. U t-Tmexxija komunista f’Beijing għamlitha ċara li mhix taċċetta l-akkużi fost din il-‘gwerra bil-kliem’ mal-Mexxejja tn-NATO.
Il-Ministru Ċiniż għall-Affarijiet Barranin, Wang Yi, qal li n-NATO qed tippersisti ‘bil-qlajjiet infodati’ fis-sens li ċ-Ċina qed tgħin lir-Russja biex tkompli bil-gwerra fl-Ukrajna. U f’kumment meqjus bħala theddida ċara, Wang Yi wissa lill-Alleanza tal-Punent biex ‘ma tipprovokax xi konfront ma’ Beijing’.
Sadanittant, in-NATO qed tħeġġeġ biex iċ-Ċina twaqqaf ‘kull appoġġ politiku u materjali’ lill-magna tal-gwerra tar-Russja u biex ma tipprovdix lir-Russi b’materjal li kapaċi jintuża għal skopijiet ċivili u daqstant ieħor militari.
Qabel is-summit tan-NATO ta’ din il-ġimgħa, l-Istati tal-Punent akkużaw liċ-Ċina dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija relatata mas-satelliti, kif ukoll mal-iżvilupp tad-drones u l-missili. L-Istati Uniti, fl-istess ħin, tikkalkula li madwar 70 fil-mija tal-makkinarju u 90 fil-mija tal-microelectronics li qed timporta r-Russja, bħalissa, qed jaslulha kollha mingħand iċ-Ċina.
Akkuża oħra fil-konfront ta’ Beijing, sadanittant, tinvolvi ‘l-attivitjiet ċibernetiċi illegali’ u li, allegatament, jinkludu l-firxa ta’ informazzjoni ħażina dwar il-pajjiżi membri tan-NATO.
Il-President Amerikan Joe Biden, li ddiskuta ċ-Ċina mal-Mexxejja l-oħra tan-NATO, sostna li Beijing għandu jifhem li mhux se jibbenefika ekonomikament mill-aġir tiegħu. ’Aġir fejn iċ-Ċiniżi qed jissupplixxu lir-Russja bl-informazzjoni u l-kapaċità biex tipproduċi materjal għal skopijiet aggressivi.’
Biden kompla li l-Gvern f’Beijing anki qed jaħdem spalla ma’ spalla mal-Korea ta’ Fuq komunista biex, flimkien, isaħħu l-kapaċitajiet militari tal-Kremlin – bil-President Amerikan jinsisti li, bħala konsegwenza, ‘numru ta’ Stati Ewropej issa, kapaċi jżommu lura milli jinvestu fiċ-Ċina’.
//= $special ?>