Kienet rebħa li ġabet magħha kontroversja enormi – fuq il-media soċjali tfaċċa kull tip ta’ kumment – iżda l-fatt jibqa’, li din ir-rebħa kienet waħda storika għaliex għall-ewwel darba kellna tfajla ta’ karnaġġjon skur li ġiet inkurunata ‘Miss Universe Malta’.
Din kienet id-9 edizzjoni tal-konkors tas-sbuħija Miss Universe Malta – konkors mirbuħ minn Beatrice Njoya illi irrapreżentat lil San Pawl il-Baħar.
Njoya ….li għandha 39 sena u hija omm ta’ tliet itfal… se tirrappreżenta lil Malta fit-73 kompetizzjoni ta’ Miss Universe f’Novembru li ġej, li se jsir fil-Messiku.
Il-kompetizzjoni ta’ din is-sena hija notevoli għan-numru rekord ta’ pajjiżi parteċipanti …..u t-tneħħija tal-limitu tal-età, li tippermetti lil nisa li għandhom ‘l fuq minn 29 sena illi jikkompetu.
Madankollu, ir-rebħa ta’ Njoya qajmet kontroversja, b’ħafna jesprimu d-diżappunt tagħhom fuq il-midja soċjali għal din l-għażla.
Xi kummenti kkritikaw l-oriġini tagħha, u insistew li aħjar qed “tirrappreżenta l-kultura tal-Kamerun, milli dik Maltija”. Oħrajn qalu li r-rebbieħa ta’ dawn it-tip ta’ konkorsi għandha “jirrappreżenta s-sbuħija u l-karatteristiċi tipiċi Maltin.”
Iżda minkejja din ir-reazzjoni, ħafna faħħru wkoll il-kisba tagħha, u enfasizzaw is-sbuħija u l-intelliġenza ta’ din il-mara …kif ukoll l-importanza tal-inklussività.
//= $special ?>