Lokali

“Jeħtieġ inbiddlu l-mudell ekonomiku” – Evarist Bartolo

Pajjizna ma indirizzax l-isfidi kbar li ġabet magħha ż-żieda enormi fil-popolazzjoni. U huwa ċar li l-Gvern tefa’ taħt it-tapit il-problemi kbar tat-traffiku, iż-żieda fil-prezzijiet tal-proprjetà, il-pressjoni fuq l-isptar, l-iskejjel, l-elettriku, id-drenaġġ… kif ukoll il-livell tal-pagi f’pajjiżna.

Dwar dan kollu tkellem l-Eks Ministru Laburista Evarist Bartolo li għamel twissija ċara – pajjiżna, b’530,000 persuna diġà mhux ilaħħaq; allura x’se jiġri meta nisplodu għall-800,000?

Fit-Times, Evarist Bartolo appella sabiex ma nibqgħux naraw sa imneħirna, u noħolqu pjan serju fit-tul – pjan ta’ żvilupp li jkun sostenibbli kemm soċjalment kif ukoll mill-aspett ekonomiku.

Bl-Eks Ministru Laburista jkun dirett fil-kliem: “hemm bżonn inbiddlu l-mudell preżenti”.

Evarist Bartolo jgħid li ma nistgħux nibqgħu niddependu biss fuq il-kostruzzjoni u s-settur turistiku. U saħaq li l-pajjiż irid irawwem setturi ekonomiċi oħrajn – xi ħaġa li l-PN ilu jinsisti dwarha snin sħaħ.

Fl-artiklu tiegħu, Bartolo jgħid li l-pajjiż bħalissa qed jesperjenza nuqqas ta’ viżjoni fit-tul; sitwazzjoni li taf saħansitra tiddeġenera aktar jekk nibqgħu nitkaxkru mal-kurrent mingħajr ebda direzzjoni.