L-Avukat Ġenerali u l-Avukat tal-Istat ġew ordnati mill-Qorti preseduta mill-Imħallef Toni Abela biex iħallsu €7,000 f’kumpens lil Tancred Tabone, l-Eks Chairman tal-Enemalta, minħabba dewmien esaġerat fil-każ kontrih.
Tabone, kien serva bħala Chairman bejn l-2003 u l-2005, kien akkużat b’rabta mal-iskandlu taż-żejt tal-2013 li hu u persuni oħra marbuta mal-Enemalta kienu xxaħħmu min-negozjant taż-żejt George Farrugia li kien ingħata l-maħfra presidenzjali biex jixhed dwar dan il-każ. Kien hemm persuni li diġà ngħtaw sentenza f’dan il-każ u kienu ħarġu liberati.
L-Eks Chiarman tal-Enemalta u l-każ kontrih u persuni oħra, li beda fi Frar ta’ dak is-sena, għadu għaddej sal-lum il-ġurnata, tant li għadha lanqas għalqet il-kumpilazzjoni tal-evidenza. Hu qed iwieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Fl-2020, Tabone kien talab biex jitneħħew il-proċeduri legali kontrih u minkejja li ngħata raġun li drittijiet tal-bniedem ġew miksura mill-Parlament, il-Qorti Kostituzzjonali ċaħdet it-talba tiegħu.
F’rikors li ressaq is-sena l-oħra, Tabone qal li l-uniku xhud kontrih “ma ġiex emmnut f’diversi kawżi oħra simili” u issa li għalaq 70 sena, ilu għaxar snin jistenna lill-Avukat Ġenerali jagħlaq l-istruttorja sabiex ikun jista’ jibda d-difiża tiegħu.
Hu saħaq li minn 63 seduta bejn l-2013 u l-2023, “fi 42 minnhom ma sar xejn” u ħamsa ġew diferiti filwaqt li fl-aħħar snin ftit li xejn kien hemm progress fil-każ. Tabone rrimarka li mindu beda l-każ, xi persuni li xtaq jippreżenta bħala xhieda laħqu mietu u li dan ifisser li se jkun preġudikat.
Hu talab lill-Qorti tiddikjara li l-Avukat Ġenerali kiser id-drittijiet tal-bniedem tiegħu, li l-proċeduri kontrih huma nulli jew imqar isir rinviju tal-atti fi żmien qasir u jingħata kumpens adattat.
L-Avukat Ġenerali u l-Avukat tal-Istat saħqu li ma nkisrux id-drittijiet ta’ Tabone u t-talba tiegħu kellha ssir quddiem il-Qorti tal-Maġistrati.
F’sentenza li ngħatat f’Diċembru tal-2022, il-Qorti kienet ħelset lill-eks kontrollur finanzjarju tal-Enemalta Tarcisio Mifsud minn akkużi ta’ korruzzjoni. Huwa kien wieħed minn seba’ persuni, ilkoll irġiel, li kienu ġew akkużati b’korruzzjoni u tixħim. Is-sentenza ngħatat mill-Qorti prejeduta mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit.
Matul il-kawża, il-prosekuzzjoni kienet insistiet li Mifsud kien irċieva numru ta’ kummissjonijiet f’tenders taż-żejt mill-kumpanija multi-nazzjonali Total, filwaqt li hu kien qasam il-flus mal-Kap tad-Diviżjoni tal-Petroleum, Alfred Mallia. Mifsud kien dejjem insista li huwa innoċenti.
Filwaqt li l-Qorti qalet li dan il-każ kien wieħed bla preċedent f’Malta u huwa wieħed kumpless, il-Qorti tenniet li dan xorta ma jiġġustifikax il-fatt li l-każ ilu snin għaddej u mhux qed isir progress. Fil-każ ta’ Tabone ġie evalwat l-64 seduta tal-każ u li f’ħafna minnhom, hemm imniżżel li ma sar xejn u li ftit kienu s-seduti li fihom xehdu aktar minn żewġ persuni. Irrimarkat li l-ewwel seduti jkunu “mimlijin b’enerġija” minħabba l-interess politiku tal-każ, iżda wara ftit, “aħbar toqtol lill-oħra” u l-każ prattikament intesa.
“Li fi 42 seduta prattikament ma jsir xejn mhux aċċettabbli”, ilmenta l-Imħallef Abela li fakkar kif Tabone għad għandu ħafna mill-assi tiegħu ffriżati. Għaldaqstant, apparti l-kumpens ta’ €7,000 lil Tabone, il-Qorti ordnat lill-Qorti tal-Maġistrati telenka żewġ seduti oħra li fihom, il-Prosekuzzjoni bilfors trid tagħlaq il-provi.
Il-Qorti minn naħa tagħha ma laqgħetx it-talba ta’ Tabone biex il-proċeduri kontrih jiġu annullati.
//= $special ?>