Internazzjonali

L-Istati Uniti: Jikber ix-xettiċiżmu dwar il-kapaċitajiet ta’ Biden fost id-Demokratiċi

Filwaqt li l-Istati Uniti riesqa eqreb l-elezzjoni Presidenzjali ta’ Novembru, għad hemm ammont sostanzjali ta’ kritiċi fi ħdan il-Partit Demokraitku li ma jemmnux li l-Kap – u President Amerikan – Joe Biden għadu kapaċi biex jikkontesta għat-tieni terminu ta’ poter.

Il-President Biden, fl-aħħar sigħat, indirizza konferenza tal-aħbarijiet fejn insista li għadu b’saħħtu u luċidu biżżejjed biex, f’isem il-partit, jikkonfronta mill-ġdid lill-kandidat u Eks President Repubblikan Donald Trump fl-elezzjoni u se tkun ripetizzjoni tat-taqtigħa tal-2020 għall-White House.

Iżda l-lista tal-kritiċi Demokratiċi qed tiżdied, b’aktar politiċi mal-partit qed isejħu biex Biden jirtira mit-tellieqa għall-Presidenza. Is-sejħet, fil-fatt, irranka mindu Biden ħareġ ħażin ħafna mill-aħħar dibattitu televiżiv ma’ Trump u fejn xejn ma kkonvinċa fil-mod kif hu tratta l-issues ta’ interess nazzjonali.

Fl-aħħar sigħat, Joe Biden, waqt li kien qed iwieġeb għad-domandi tal-ġurnalisti, għamel żball ieħor oħxon meta rrefera għall-Viċi President tiegħu, Kamala Harris, bħala l-Viċi President Trump’. U għalkemm hu, imbagħad, irrisponda għad-diversi mistoqsijiet mingħajr tlaqliq, il-kandidatura tiegħu xorta għadha titqies f’periklu – bil-possibbiltà li d-Demokratiċi jitilfu aktar nies utli fil-jiem li ġejjin.

Dan meta aktar Demokratiċi qed jemmnu li ma jistgħux jirbħu l-elezzjoni ta’ Novembru, bil-President Biden bħala kandidat.

Hemm ukoll xi donaturi influwenti għall-Partit Demokratiku – fosthom l-attur George Clooney – li rtiraw l-appoġġ finanzjarju fost l-insistenza li Biden mhux kompetenti biżżejjed għal erba’ snin oħra ta’ tmexxija; dejjem f’każ li jkun elett mill-ġdid.

U għalkemm xi Demokratiċi qalu li Biden tjieb xi ftit fl-aħħar diskorsi politiċi, diffiċli biex ħafna nies tal-partit ma jibqgħux xettiċi dwar il-kapaċitajiet tiegħu biex imexxi lill-pajjiż.

Forsi l-akbar problema għal Biden, minn issa ‘l quddiem, hi li kull pass li jagħmel… kull kelma li jgħid… se jkunu kontinwament taħt skrutinju mill-uffiċjali tal-Partit Demokratiku, il-meija u ċ-ċittadini preżenti għal kull avveniment politiku.

L-iċken żball, f’din is-sitwazzjoni,  għandha tkun interpretata bħala sinjal li Biden mhux kapaċi jew kompetenti biex jieħu t-tmun tal-Istati Uniti għal darb’oħra u l-jiem li jmiss għandhom anki jżidu l-pressjoni għall-President u għat-tim ta’ madwaru.