Lokali Unjoni Ewropea

L-MEP Peter Agius f’diskussjoni mal-imsieħba soċjali fl-MCESD

Jgħid li Malta għandha bżonnijiet speċifiċi li jridu jitilgħu aktar ‘il fuq fl-Ewropa

Il-Membru Parlamentari Ewropew Elett Peter Agius qal lill-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCED) li bħala deputat tal-Poplu fl-Unjoni Ewropeja se jiżgura li jwettaq l-għajta li ġie elett biha fl-elezzjonijiet ta’ Ġunju.

F’laqgħa formali tal-MCESD flimkien mal-imsieħba soċjali u membri tal-Gvern, Agius enfasizza li x-xogħol tiegħu fi Brussel u Strasburgu ser jikkonċentra fuq dak li jaffettwa b’mod dirett lill-Maltin u l-Għawdxin.

Agius qal li l-mandat tiegħu huwa diġà determinat mill-programm li wiegħed qabel l-elezzjoni hu u l-Partit Nazzjonalista, fosthom li jagħti iktar opportunitajiet liż-żgħażagħ; itejjeb lil Għawdex partikolarment fil-konnettività u li jwassal l-interess ta’ Malta mill-bidu nett tad-direttivi proposti. Il-prijoritajiet imħabbra minn Peter Agius qabel l-elezzjoni jinkludu wkoll il-ġlieda kontra l-korruzzjoni b’metodi ġodda kif ukoll l-implimentazzjoni effettiva tad-drittijiet u l-istandards Ewropej f’Malta.

Biex jitwettaq dan il-mandat, Agius qal li fil-Parlament Ewropew se jagħmel minn kollox biex ikun preżenti fil-kumitati kollha fejn ikun qed jiddiskutu liġijiet li jolqtu dirett lil Malta. Qal li importanti li l-MEPs Maltin ikollhom relazzjonijiet tajba ma’ Membri Parlamentari Ewropej oħra biex il-proposti jew emendi ta’ Malta jintlaqgħu. Qal li se jkun f’kumitati leġiżlattivi speċifiċi li se jitħabbru uffiċjalment il-ġimgħa d-dieħla, iżda b’koordinament mal-MEPs Maltin kollha se jara jagħti l-kontribut sħiħ biex il-familji u n-negozji Maltin jieħdu l-aqwa li jixirqilhom.

L-MEP Peter Agius enfasizza l-bżonn li l-Gvern flimkien mal-imsieħba soċjali jibdew jagħmlu evalwazzjoni u assessjar tal-impatt tad-direttivi proposti li jkollhom relevanza partikolari għal Malta minn tal-inqas sena qabel ma’ dawn il-liġijiet jiġu approvati.

Huwa ħeġġeġ biex l-MCESD jkollu kuntatt ikbar u perjodiku mal-Ewroparlamentari kollha u anke biex punti mqajma fi Brussel jiġu diskussi b’mod strutturati f’Malta minnufih.

Il-mandat Ewropew għall-MEPs Maltin jibda uffiċjalment l-ġimgħa d-dieħla.