Maltija ta’ 25 sena u Ungeriż ta’ 28 sena wieġbu mhux ħatja li f’Ġunju li għadda u dan ix-xahar wettqu diversi serqiet ta’ diversi oġġetti fosthom nuċċalijiet minn ħwienet f’Tas-Sliema u San Ġiljan. Valentina Schembri u Ans Ghodband, li jgħixu fl-istess residenza f’Tas-Sliema, ġew mixlija li fil-5 ta’ Ġunju 2024 serqu numru ta’ kontenituri bil-fwieħa.
Ġew mixlija wkoll li fil-11 ta’ Ġunju minn The Piont serqu tmien pari nuċċalijiet tax-xemx, fit-22 ta’ Ġunju minn Baystreet wettqu serq ta’ żewġ nuċċalijiet tax-xemx u kissru oħrajn. Wettqu wkoll serqiet fit-22 ta’ Ġunju minn Mercury Towers fejn minn hemm serqu par nuċċalijiet tax-xemx.
Ġew akkużati b’serq ieħor fit-28 ta Ġunju ta’ żewġ pari nuċċalijiet minn San Ġiljan. Valentina Schembri waħedha kienet akkużata li serqet televiżjoni u kitla tal-elettriku minn appartament f’Tas-Sliema, u li għamlet ħsara lil proprjetà ta’ terzi persuni.
Hija kienet akkużata wkoll waħidha li serqet tliet pari nuċċalijiet tax-xemx minn The Point. Ir-raġel ġie mixli wkoll li kiser żewġ kundizzjonijiet tal-pleġġ. Il-prosekuzzjoni qalet li saru diversi rapporti ta’ serq minn diversi stabbilimenti u dawn saru lill-Għassa ta’ San Ġiljan. Kien il-Ħamis li għadda li ġew infurmati mill-Għassa ta’ Tas-Sliema li l-akkużati kienu ġew arrestati.
Saret talba għall-ħelsien mill-arrest mill-Avukat Julia Micallef Strafrace, liema talba sabet oġġezzjoni qawwija mill-prosekuzzjoni. Dan għaliex il-mara kienet fuq probation u r-raġel fuq pleġġ fuq reati oħra u għaldaqstant hemm il-biża’ li jerġgħu jwettqu aktar serq, u li t-tnejn għandhom karattru rafrettarju, fejn dawn baqgħu ma tgħallmux u reġgħu spiċċaw il-Qorti.
Id-difiża qalet li għandhom preżunti nnoċenti u li għandhom inidirizz fiss. Il-Qorti qablet mal-prosekuzzjoni mmexxija minn Giuliana Magro Conti u Darryl Farr, u ċaħdet il-pleġġ fil-konfront taż-żewġ akkużati. Il-koppja ftit ilu kienu ġew akkużati flimkien ma’ mara oħra li serqu minn ħanut f’Tas-Sliema u wara sawtu lil min kien qed jieħu ħsieb il-ħanut.
//= $special ?>