Norveġiż ta’ 35 sena, ingħata sentenza sospiża wara li ammetta li seraq 28 kaxxa karti tal-Pokemon b’valur ta’ €3,381. Joar Are Lyngaas, residenti l-Imsida, ammetta quddiem il-Maġistrat Elaine Rizzo anke wara li ngħata ċ-ċans jaħsibha.
Il-prosekuzzjoni qalet li n-Norveġiż seraq minn ħanut f’San Ġwann. Ir-raġel kien akkużat b’serq aggravat minħabba li seraq valur ta’ €3,381 karti tal-logħob tal-Pokemon. Ir-raġel li qal lill-Qorti li jaħdem bħala Content Writer, kien imwissi li l-akkużi li jinsab mixli bihom iġorru piena ta’ bejn 13-il xahar ħabs sa massimu ta’ seba, snin priġunerija.
Fid-dawl tal-ammissjoni, il-prosekuzzjoni qalet li l-akkużat għandu jingħata sentenza sospiża filwaqt li talbet ukoll ordni ta’ protezzjoni fuq is-sid tal-ħanut. Dan anke fid-dawl tal-ammissjoni bikrija u li huwa ammetta fi stadju bikri tal-proċeduri.
Fuq ammissjoni tiegħu stess, il-Maġistrat Elaine Rizzo sabet lir-raġel ħati u kkundannatu sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin filwaqt li ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma. Il-Qorti ordnat ukoll li l-imputat iħallas is-somma lura lill-vittma fi żmien sitt xhur. Id-difiża infurmat lill-Qorti li l-ewwel pagament se jsir il-Ġimgħa filgħaxija stess.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-ispettur Micheal Vella flimkien mal-avukat Nicholas De Gaetano mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
Għall-akkużat dehret l-avukat tal-għajnuna legali Julia Micallef Stafrace.
//= $special ?>