Knisja Lokali

“Tkunux kompliċi bis-silenzju u l-inkompetenza”

Il-Korp iċċelebra l-210 anniversarju mit-twaqqif tiegħu.

F’San Ġwann, kulħadd kien preżenti.

Iżda fost il-membri tal-Korp, anke waqt din iċ-ċelebrazzjoni, evidenti fuq wiċċhom l-element ta’ demotivazzjoni kaġun tat-tmexxija preżenti. Speċjalment wara li fl-aħħar jiem saru jafu li l-Gvern ġedded il-kuntratt ta’ Gafà.

Fl-omelija li saret għal din l-okkażjoni, l-Arċisqof għamel referenza għall-Evanġelju tal-ġurnata li jirreferi għan-nagħaġ qalb l-ilpup… li huma mibgħuta f’ambjenti ostili u mhux faċli.

L-Arċisqof fisser kif bħad-dixxipli, “min qed jiġġieled il-kriminalità, il-korruzzjoni u l-abbuż tal-poter huwa mibgħut ‘bħal nagħaġ qalb l-ilpup’”.

Hawn, Mons. Scicluna tkellem dwar l-importanza li kull uffiċjal tal-Pulizija ma jiġix kompliċi bis-silenzju, bl-inkompetenza jew bin-nuqqas ta’ ħeġġa.

L-Arcisqof insista fuq il-protezzjoni tal-legalità f’pajjiżna, il-prosekuzzjoni u l-investigazzjoni ta’ kull min iħassar it-tessut soċjali u jkisser ir-reputazzjoni… għax dan huwa bħal kankru li joqtolna minn ġewwa.

“Intom qegħdin fil-frontline ta’ din il-battalja”, sostna Charles Scicluna, “u jrid ikollkom l-għaqal ta’ min juża l-mezzi proporzjonati.”

Dan filwaqt li insista li min ikun rett m’għandux għaliex jistħi u jinkwieta meta jieqaf għall-prinċipji tiegħu.

L-Arcisqof talab fuq il-membri tal-Korp, mill-kbir saż-żgħir, biex dejjem ikunu għodda ta’ ġustizzja, ta’ dritt, ta’ legalità, iżda qatt kompliċi mal-inġustizzja u mal-korruzzjoni.